Jiddeskrivi lilu nnifsu bħala persuna determinata u li jħobb jissoċjaliżża ruħu, kif ukoll attiv ħafna, paċenzjuż ħafna l-aktar mat-tfal. F’ħajtu, Jeffrey għamel diversi sfidi, iżda bħala rekords nazzjonali rnexxielu jikseb tlieta.
Kitbet dwaru Ramona Portelli fil-gazzetta Kulħadd. Qalet li dan l-aħħar, Jeffrey ried iwaqqaf rekord nazzjonali waqt it-tieġ tiegħu stess. Fil-fatt daħħalha f’rasu li joħloq l-ikbar piramida magħmula minn 203 tazzi tax-xampanja.
Bħala persuna, Jeffrey iħobb ħafna l-isfidi. Huwa kien parti mill-ewwel kumitati ta’ The Malta Records peress li dan il-kumitat nibet mir-raħal ta’ Ħal Qormi. “Personalment għamilt żewġ rekords nazzjonali fejn kilt ammont ta’ ravjul nej. Ninteressa ruħi ħafna fejn jidħlu rekords nazzjonali jew dinjija. Xtaqt rekord fil-jum taż-żwieġ tiegħi u laqtitli għajni l-piramida tat-tazzi”, beda jgħidli.
REKORDS PERSONALI FEJN KIEL RAVJUL NEJ
Fis-2013 Jeffrey kien għamel rekord fejn kiel tmintax-il ravjula nejja f’ħin ta’ 8 minuti u 37 sekonda. Sena wara, proprju fis-sena 2014 kompla jtejjeb ir-rekord personali tiegħu fejn kiel għoxrin ravjula f’ħin ta’ 8 minuti u 27 sekonda. Dawn ir-rekords saru waqt The Malta Records Festival li sar fil-pjazza San Franġisk, Ħal Qormi fl-ewwel ġranet ta’ Mejju.
It-tieġ tiegħu u ta’ Karen kien nhar il-Ħadd 6 ta’ Novembru li għadda u dam jipprepara għal din l-isfida ġdida tiegħu madwar tliet ġimgħat.
Mistoqsi meta prepara kollox għal din l-isfida biex isseħħ waqt it-tieġ, Jeffrey ikkonferma miegħi li prepara kollox il-jum ta’ qabel. Għall-grazzja t’Alla ma kisser xejn waqt il-preparamenti. Kemm warrab xi tazzi li kienu mxaqqa jew mibrumin. B’kollox sabiex ħoloq il-piramida kollha, Jeffrey dam madwar sagħtejn sħaħ. Beda jgħidli li t-toqol kiber aktar meta wasal fuq nett tal-piramida, peress li jekk ikun hemm xi tazzi mibrumin aktar ma tasal fuq aktar se ssib id-difett.
Naturalment ma stajtx ma nistaqsihx minn fejn irnexxielu jikseb din il-kapaċità u l-paċenzja li jwaqqaf dawk it-tazzi kollha preċiżi ma’ xulxin b’forma ta’ piramida kbira. “Prattikajt l-ewwel b’tazzi tal-plastik. Wara li kont konvint li għandi l-paċenzja u l-bilanċ kollu, bdejt nipprattika b’tal-ħġieġ”, stqarr miegħi Jeffrey.
Fil-fatt kien ilu xhur jittestja fuq tazzi tal-plastik u jimliehom bl-ilma.
Staqsejtu b’liema mod l-għarusa tiegħu, illum martu Karen, issapportjatu f’dan ir-rigward. Ngħiduha kif inhi l-għarajjes normalment ikunu diġà eċċitati bil-kumplament tal-preparamenti tat-tieġ, u ma tantx ikollhom wisq moħħ ta’ affarijiet żejda. “Karen żammitni kalm u kkonċentrat. Għenitni nagħmel pjanta bit-tazzi u tatni pariri siewja bħall-għoli tal-piramida”, sostna Jeffrey.
Kont kurjuża nkun naf kif kienet l-atmosfera proprju waqt it-tieġ meta kien wasal il-ħin sabiex Jeffrey iferragħ x-xampanja fuq din il-piramida ta’ tazzi kbira. “Nista’ nikkonferma li l-atmosfera kienet waħda ta’ silenzju u eċċitament kbir fl-istess waqt. Kien hemm ferħ kbir u fl-istess ħin naqra biża’ li meta nferragħ l-ewwel flixkun seta’ jaqa’ kollox. Però malli n-nies indunaw li kollox miexi sew, infexxew iċapċpu u jifirħu magħna”.
Huwa ngħata ċertifikat, b’ismu mnaqqax mal-kumplament tal-holders l-oħra fi ħdan il-Malta Records.
Ridt inkun naf jekk kienx hemm xi premju abbinat ma’ din l-isfida. Jeffrey ikkonfermali li l-prempju u s-sodisfazzjon li ħareġ minn din l-isfida kien proprju ċertifikat u li ismu u isem il-mara tiegħu miżżewġin friski kien miktub fuq dan l-istess ċertifikat.
Iċ-ċertifikat ifisser ħafna għalih. Fi kliem ieħor l-istess ċertifikat ifisser li Jeffrey fil-mument huwa ċ-champion f’Malta bil-provi kollha. Fil-fatt dan ġie rikonoxut minn ġurija serja u b’hekk wara tnaqqax ismu fil-Malta Records.
Ta’ min iżid jgħid li isem Jeffrey huwa mniżżel mal-mitejn, wieħed u disgħin holder f’Malta f’oqsma differenti.
Dan ifisser ukoll li min irid jikkompetilu jrid jagħmel imqar tazza oħra żejda minn tiegħu. Fi kliem ieħor Jeffrey waqqaf 203 tazzi, issa min imissu jrid iwaqqaf tal-inqas 204 tazzi.
Fl-aħħar nett, Jeffrey wera x-xewqa li jittama li jidħol għal rekords oħrajn. “Il-parir tiegħi hu li sakemm ikun hemm riskju kkalkulat, wieħed irid jidħol għall-isfida. Huwa importanti li f’ħajtek dejjem tirsisti biex twettaq l-ambizzjonijiet pożittivi tiegħek”, temm jgħid Jeffrey.
Din l-istorja ħarġet fil-gazzetta Kulħadd