• BAQGĦET IL-PIKA TA’ QABEL IL-BY-ELECTION
Meta din il-ġimgħa ħadu l-ġurament tal-ħatra bħala deputati Edwin Vassallo u Peter Micallef, il-Kap tal-Oppożizzjoni dlonk ħatarhom bħala kelliema tal-Oppożizzjoni. Tal-ewwel, kelliem għall-manifattura u l-koperattivi u tat-tieni kelliem għas-saħħa mentali.
Meta saru dawn il-ħatriet, li mhuma xejn spettakolari, spikka l-iktar Tony Abela, deputat ieħor tal-Partit Nazzjonalista. Bosta xhur wara li ħa s-siġġu parlamentari tiegħu, bħala deputat tas-seba’ distrett, Abela għadu mingħajr dekasteru.
Mhux għax Tony Abela, li jattendi l-Parlament sikwit, mhux interessat. Iżda, għax bejnu u bejn Simon Busuttil għad hemm pika li żviluppat minn qabel il-by-election fuq is-seba’ distrett. Wara li rriżenja Joe Cassar, l-Eks Ministru għas-Saħħa li rċieva rigali mingħand ta’ Gaffarena, il-Kap tal-Oppożizzjoni ma riedx li Tony Abela jkun elett fil-Parlament.
Dan mhux għax ma riedx lil Abela. Għax kif jispjegaw imkejjen fil-Partit Nazzjonalista, la m’għandux problema b’Edwin Vassallo m’għandux ikollu b’Tony Abela. Iżda, Busuttil ried idaħħal xi ħadd iktar tal-qalba tiegħu. Però Abela ma tahx iċ-ċans għax dakinhar lil Simon Busuttil qallu li biex ma jikkontestax kellu jkun co-opted ibnu Sam, li huwa wkoll kandidat tal-Partit Nazzjonalista.
Imma Simon Busuttil ma riedx u Abela ħa s-siġġu tiegħu. Minn dakinhar Busuttil baqa’ ma ta ebda kariga lil Tony Abela. “B’suppervja,” qalilna sors mill-kumitat sezzjonali tar-Rabat li rrimarka kif Busuttil donnu xejn mhu kuntent bil-grupp parlamentari ta’ bħalissa. Dan anke għax minflok Peter Micallef ukoll xtaqt by-election tant li webbel lill-President tal-Eżekuttiv, Ann Fenech, li kien se jaħtar lilha wara s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali. Biex imbagħad irriżulta li ma kienx possibbli.
Kemm fil-każ ta’ Abela u kemm fil-każ ta’ Peter Micallef, Simon Busuttil seta’ deher ukoll li mhux kuntent lanqas bil-kandidatura li għandu bħalissa għax fiż-żewġ każi għall-co -option ikkunsidra persuni li sa issa mhumiex kandidati. B’Ann Fenech saħansitra ddikjarat pubblikament li ma tridx tkun.
Artiklu li jinsab fil-gazzetta KullĦadd