Daħal fis-seħħ l-aħħar pass fir-riforma ta’ kif wieħed jista’ jittermina jew iħassar xi prokura ġenerali jew speċjali li jkun ta lil xi persuna oħra. Fil-fatt bis-saħħa ta’ regolamenti ġodda li daħlu fis-seħħ mit-2 ta’Diċembru tlesta l-proċess kollu sabiex tkun aktar faċli u effiċjenti biex wieħed ikun jista’ jittermina xi prokura.
B’hekk ġiet indirizzata inġustizzja kbira li kienet ilha s-snin toħloq diffikultajiet fejn qabel il-proċess biex wieħed jittermina prokura kien jiswa bejn €1,500 u €2,000. Dan għaliex bis-sistema preċedenti wieħed kellu jibgħat ittra uffiċjali u jinnotifika lin-Nutara kollha ta’Malta u Għawdex u l-banek kummerċjali kollha. Dan il-proċess ġie simplifikat u se jiġi jiswa b’kollox €50.
In-Nutur prinċipali tal-Gvern, Keith Francis German, spjega li din is-sistema se tkun aċċessibbli onlajn u b’hekk se jiġi evitat li jkun hemm abbużi fejn tidħol il-prokura, b’mod speċjali fuq ħlasijiet u pagamenti.
F’konferenza stampa, l-Ministru Bonniċi faħħar dawn ir-regolamenti ġodda u qal li dan se jkun mezz aktar effiċjenti kemm għaċ-ċittadini, kemm għal dawk fis-settur kummerċjali kif ukoll għal dawk li jipprattikaw il-professjonali legali sabiex ikunu nfurmati kontinwament b’dawn it-terminazzjonijiet li tant iġorru responsabbilta’ fid-dinja legali.