Minn binja soċjali ta’ tmienja u erbgħin appartament lkoll f’ periklu minħabba soqfa ikkundannati, u sistemi tad-dawl u l-ilma arkajki u perikolużi li qatt ma raw raġġ ta’ manutenzjoni, għal binja li fi żmien xahar u nofs diġa rat kambjament u hija ferm iktar sigura.
Ix-xogħlijiet strutturali tal-binja Okkella Agius il-Ħamrun għaddejjin b’ rittmu mexxej u dalgħodu żarhom il-Ministru għas-Solidarjeta Soċjali Michael Farrugia. Ix-xogħolijiet strutturali fuq Okkella Agius jingħaqdu ma’ kullana ta’ proġetti ta’ manutenzjoni li l-gvern nieda, f’ diversi lokalitejit fosthom Raħal Ġdid, San Pawl il-Baħar, l-Isla u Ta’ Giorni fejn fl-aħħar tlett snin intefqu t-tripplu fuq proġetti ta’ manutenzjoni fuq binjiet soċjali minn kemm kienu jintefqu qabel.
Ħaddiema fuq il-post, fosthom Raymond Micallef, fissrilna kif fi ftit ġimgħat is-soqfa saru mill-ġdid u waslu biex jitlestew, filwaqt li bdew ukoll ix-xogħlijiet fuq mainijiet tad-dawl u l-ilma ġodda, fejn saħansitra għall-ewwel darba l-appartamenti f’ din il-binja se jkollhom installat salva vita.
Fl-istess ħin għaddejjin xogħlijiet ta’ kisi u tibjid fil-binja kollha.
“Diżastru” kienet il-kelma li biha l-foreman iddiskriva s-sitwazzjoni tal-binja qabel bdew ix-xogħlijiet, kif tisgħu issegwu fl-intervista hawn.