Il-Professur Albert Fenech qal li l-Assoċjazzjoni Medika Maltija għandha tpoġġi madwar mejda ma’ Vitals Global Health Care biex tiddiskuti l-kuntratt ta’ sħubija bejn il-Gvern u l-privat fil-qasam tas-saħħa.
Il-Professur Fenech li rriżenja minn Deputat Nazzjonalista bl-għan li jkun parti minn dan il-proġett iddikjara li jsibha stramba li l-Unjin qed tgħid li għandha ħafna mistoqsijiet imbagħad ma kinitx lesta tiltaqa’ mal-VGH biex tistaqsi lilhom. Il-Professur Fenech, li huwa wkoll membru tal-MAM, qal li jekk ikollu problema b’xi ħadd l-ewwel li jagħmel jiffaċċjaħ u jiltaqa’ miegħu.
F’kummenti ma’ The Malta Independent, enfassizza li hemm nies b’esperjenza imexxu l-aspett mediku ta’ dan il-proġett u b’referenza għall-isptar t’Għawdex qal li b’dak li se jkun qed isir ħafna inqas Għawdxin se jkollhom jiġu għall-kura Malta.
Mistoqsi dwar allegazzjonijiet marbuta mal-kuntratti, il-Professur Fenech kien ċar: “Jien personalment qatt ma nista’ nkun involut f’xi ħaġa li tidher mhux ċara (shady), m’hemm xejn li jqajjem dubji f’dan il-proġett. Iltqajt ma’ Partners Health care International fl-Istati Uniti u huma eċitati ħafna dwar dan il-proġett.” Qal ukoll kif Partners Health care International, renomati bil-kbir b’mod internazzjonali, għamlu żewġ rapporti ta’ due diligence dwar VGH qabel issieħbu.