Aktar minn 1,100 parteċipant qed jieħdu sehem fi proġett mogħti b’xejn mill-Gvern biex iħeġġeġ l-użu tat-teknoloġija fost persuni t’eta’ avvanzata.
Il-proġett jismu EM Citizen u ġie varat dalgħodu. Dawk li jtemmu l-kors b’suċċess se jkunu ċertifikati f’Ġunju li ġej. Diversi kelliema spjegaw li t-tagħlim dwar it-teknolġija għandu jkun parti integrali mill-ħajja tal-anzjani. Ray Abela, direttur ta’ TCTC qal li qatt m’hu tard li titgħallem tuża t-teknoloġija u din dejjem tista’ tkun utli. Tista’ per eżempju taqra’ l-livell taz-zokkor fid-demm permezz t’apps fl-ismartphones.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Bountempo qal li jeħtieġ li l-anzjani jkunu aktar qrib it-teknoloġija. Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana fakkret li Malta tinsab fit-tielet post fl-Unjoni Ewropea fl-użu tas-social media fost l-anzjani. Qalet li dan il-Gvern qed isaħħaħ l-użu tal-internet anke fid-djar tal-anzjani, permezz tal-WIFI b’xejn f’kull residenza. Is-Segretarju Parlamentari Jose Herrera tkellem dwar is-servizzi tal-E-Government. Spjega li qed issir aktar ħidma biex dawn is-servizzi jkunu simplifikati filwaqt li tonqos il-burokrazija.
B’dan il-mod iktar persuni jagħmlu użu minnu u b’hekk dawn is-servizzi ikomplu jikbru u jissaħħu.