Richard Attard ta’ 35 sena ngħata sentenza ta’ 12-il sena ħabs talli pparteċipa f’ żewġ serqiet sitt snin ilu. Waħda minnhom wasslet għall-mewt ta’ mara anzjana.
Attard, li huwa vittma tad-droga wettaq is-serqiet ma’ żewġ min-nies oħra biex jiffinanzja l-vizzju tad-droga.
L-Imħallef Edwina Grima semgħet kif il-grupp qabżu fuq anżjana ta’ 80 sena biex jaħtfulha l-basket, li rreżistithom kawża t’hekk waqgħet u ħabtet rasha mal-bankina. L-anzjana nstabet barra l-appartament tagħha f’ tas-Sliema mitlufa min sensiha f’ għadira demm biċ-ċinga tal-basket f’ idha. Sitt ijiem wara mietet kawża tal-ġrieħi li ġarbet.
Il-Qorti nnutat li l-pjan oriġinali tal-ħallelin kien li jisirqulha d-dar iżda twaqqfu qabel setgħu jagħmlu dan.
Il-grupp marru jixtru d-droga mill-Cottonera u f’ inqas min siegħa wara reġgħu lura tas-Sliema biex jisirqu anżjana oħra, din id-darba mara ta’ tmienja u tmenin sena.
Richard Attard ammetta l-involviment tiegħu u weħel sentenza ħabs u multa t’ elf ewro biex jevita li jinstema’ quddiem ġuri.