L-isfida tal-immigrazzjoni ddominat laqgħa oħra uffiċjali għal Prim Ministru Joseph Muscat, din id-darba f’Varsavja mal-Prim Ministru tal-Polonja Beata Szydlo bħala parti minn sensiela ta’ taħditiet li qed imexxi l-Gvern Malti kif mistenni minnu qabel il-Presidenza Ewropea.
Kienet diskussjoni miftuħa fejn iż-żewġ naħat tkellmu b’mod miftuħ dwar il-pożizzjonijiet differenti tagħhom. Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li laqgħa bħal din turi l-attitudni li biha se timxi Malta fit-tmexxija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. “Se tkun Presidenza li tibni relazzjonijiet mal-pajjiżi li għandhom ħsibijiet differenti”, qal il-Prim Ministru. Huwa inutli li noqgħodu nittamaw li kulħadd se jaqbel dejjem ma’ kollox, għalhekk hemm bżonn ngħaqqdu pontijiet bejn il-forzi kollha differenti.
Fil-laqgħa mal-Prim Ministru tal-Polonja Beata Szydlo, il-Prim Ministru akkumpanjat mill-Ministru tal-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea, semma prioritajiet oħra tal-Presidenza li se tmexxi Malta fosthom l-importanza li se tingħata lis-suq waħdieni, b’emfasi favur it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tax-xogħol u b’ħarsa lejn l-inklużjoni soċjali.
Iż-żewġ naħat tkellmu wkoll fuq l-impatt ta’ Brexit u l-proċess relatat li se jitmexxa ’l quddiem fl-Unjoni Ewropea fiż-żmien li ġej.