Il-parti ta’ fuq ta’ Forti Sant’Anġlu mmexxija mill-Ordni Militari Sovran ta’ Malta (SMOM) se tkun aċċessibbli għal kull min iżur dan il-forti mill-ewwel ġimgħa ta’ Diċembru. Dan huwa possibbli wara ftehim milħuq ma’ Heritage Malta.
Il-parti ta’ fuq ta’ Forti Sant’Anġlu kienet ingħatat lill-SMOM b’kirja fl-1998 u wara ġiet anke rrestawrata. S’issa, din il-parti tal-forti kienet rarament miftuħa għall-pubbliku ġenerali.
L-aċċess għall-parti ta’ fuq tal-Forti Sant’Anġlu se jkun ristrett għal żjajjar esklussivi bi gwida għal grupp b’massimu ta’ 30 persuna. Dawn se jsiru:
5 – 16 ta’ Diċembru (matul il-ġimgħa biss bl-eċċezzjoni tal-Ħamis 8 ta’ Diċembru): żjara waħda kuljum fil-11.00am;
19 ta’ Diċembru – 6 ta’ Jannar 2017 (matul il-ġimgħa biss): żewġ żjajjar kuljum fil-11.00am u fis-2.30pm
Dawk interessati jistgħu jixtru l-biljett minn kwalunkwe mużew ta’ Heritage Malta. In-numru ta’ biljetti huwa limitat u għalhekk ma jibqgħux dispnibbli la darba jintlaħaq in-numru ta’ viżitaturi. Il-biljetti jinxtraw għall-prezz ta’ €5 (adulti), €3 (studenti u anzjani) u €1.50 (tfal bejn 5 u 12-il sena).
Il-kumplament ta’ Forti Sant’Anġlu mmexxi minn Heritage Malta jinfetaħ għall-pubbliku kuljum bejn id-9.00am u l-5.00pm, bl-aħħar dħul isir fl-4.30pm. Il-prezz tad-dħul huwa €8 għall-adulti, €5 għall-istudenti u anzjani u €3 għat-tfal. Il-viżitaturi jistgħu jixtru wkoll biljett kombinat għall-mużewijiet u s-siti ta’ Heritage Malta fil-Birgu li huma l-Palazz tal-Inkwiżitur, il-Mużew Marittimu u Forti Sant’Anġlu. Il-prezz ta’ dan il-biljett huwa €13 għall-kbar, €9 għall-istudenti u anzjani u €7 għat-tfal.
Tagħrif dwar Heritage Malta u attivitajiet organizzati mill-aġenzija nazzjonali jista’ jinkiseb mill-website, www.heritagemalta.org, jew mill-paġna ta’ facebook.