F’pajjiżna twieldu 42 tarbija mill-IVF, dan ifisser li kienu 42 koppja li bbenefikaw mis-servizz ta’ IVF b’xejn f’Mater Dei li daħal is-sena li għaddiet u qed jibdel għall-aħjar il-ħajja ta’ nies.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru għas-saħħa Chris Fearne fil-Parlament qal li 37 mara oħra qed tistenna tarbija wara li għamlu dan il-proċess filwaqt li 40 koppja oħra qed jistennew ir-riżultat tal-proċess tal-IVF, sabiex isiru jafu jekk hux se jkollhom tarbija.
Il-Ministru qal li r-rata ta’ suċċess f’pajjiżna hija ta’ 18.9%, dan huwa l-persentaġġ tal-koppji li għamlu ċ-ċiklu tal-IVF b’suċċess. Il-Gvern qed jissussidja dawn il-koppji b’madwar €7,000, li jfisser li n-nefqa tal-Gvern f’ċikli tal-IVF matul din is-sena kienet ta’ €770,000.
Il-Ministru ħabbar li s-sena d-dieħla l-Gvern se jkun qed iżid il-fondi allokati għal dawn is-sussidji għal €1,300,000.