Fil-maġġor parti tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea, l-ikbar spiża għal familji tkun dik li taqa’ taħt il-kategorija “housing, water, electricity, gas and other fuels”.
Iżda l-oppost jingħad għal Malta. Infatti f’din il-kategorija, il-Maltin jonfqu l-inqas minn fost il-pajjiżi kollha Ewropej. Isegwuwna f’qiegħ il-lista il-Litwanja, Ċipru, l-Estonja, ul-Bulgarija, il-Portugal, l-Islovenja u l-Ungerija.
Dak li nħallsu f’pajjiżna huwa ferm inqas mill-medja Ewropea u anke ferm inqas mil-Litwanja, it-tieni l-inqas pajjiż fejn iċ-ċittadini jonfqu f’dan is-settur. Huwa stmat li ftit aktar minn 10% tal-ispiża ta’ djar Maltin tmur fuq housing, dawl, ilma u fuel.
Minn naħa l-oħra huma d-Daniżi li jonfqu l-aktar fuq dawn l-affarijiet, bi spiża li tlaħħaq id-29.4% tal-ispejjeż tal-familji. Warajhom hemm il-Finlandiżi, il-Franċiżi, l-Iżvediżi, dawk tar-Repubblika Ċeka u tar-Renju Unit.
Din hija statistika tal-aġenzija Ewropea Eurostat.