Mara Ġermaniża mlaqqma “Nazi bride” tkellmet fil-Qorti u qalet li tixtieq tagħti xhieda dwar il-mewt brutali ta’ tifla ta’ disa’ snin, li kollox jindika li nqatlet minn wieħed mill-maħbubin tagħha.
Id-DNA tal-qattiel neo-Nazzista Uwe Bönhardt instab fuq il-ġisem bla ħajja tal-aktar tifla famuża li qatt sparixxiet fil-Ġermanja. Dan wara eżamijiet forensiċi fuq it-tifla Peggy Knobloch li kellha disa’ snin. Peggy kienet irrapportata nieqsa f’Mejju 2001 u ġisimha bla ħajja nstab fit-tramuntana tal-Bavaria f’Lulju ta’ din is-sena.
Beate Zschäpe kienet tiġi l-maħbuba tas-suspettat qattiel. Għandha 41 sena u hija l-unika waħda li għadha ħajja bħala parti minn grupp li qatel xejn inqas minn għaxar negozjanti immigranti u uffiċjal tal-Pulizija fuq medda ta’ għaxar snin. F’dawn l-atti makabri kienet akkumpanjata minn żewġ maħbubin tagħha, li t-tnejn temmew ħajjitom b’idejhom wara li serqu minn bank bil-għan li jkollhom biżżejjed flus biex ikomplu b’moviment immirajt lejn it-tkeċċija ta’ immigranti ‘l barra mill-Ġermanja.
Meta ż-żewġt’irġiel kienu ġew arrestati, kien instab materjal pornografiku u propoganda favur in-Nazziżmu. Issa l-computers tagħhom qed ikunu eżaminati mill-ġdid, bit-tama li tinstab evidenza ġdida dwar il-mewt ta’ Peggy. Meta l-Pulizija kienet sabet il-caravan fejn kienu jistaħbew, kienet sabet ukoll ammont ta’ ġugarelli tat-tfal, inkluż teddy bear.