Fi stqarrija l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol qal li l-aħħar stqarrija giddieba tal-Oppożizzjoni qed tkompli tipprova titfa’ t-tajn fuq il-passi li ttieħdu mil-Ministeru biex kull akkuża tiġi investigata mill-awtoritajiet.
Il-Ministeru qal li hu jerġa’ jtenni li kull darba li rċieva allegazzjoni, hi x’inhi jew hi minn fejn hi, ir-risposta dejjem kienet biex dawn l-allegazzjonijiet jingħataw lill-Pulizija. Meta l-Ministeru kellu l-informazzjoni li setgħet tgħin l-investigazzjoni, dawn ġew mgħoddija lill-istess Pulizija. Li jibqa’ jingħad mill-Oppożizzjoni li l-Ministru “baqa ħalqu magħluq”, li “ħeba l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni” jew li “ma ħa l-ebda passi” juri kemm l-istess Oppożizzjoni lesta taqa’ fil-baxx bil-gideb tagħha.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo ordna li ssir investigazzjoni mal-ewwel meta fl-aħħar ta’ Awwissu rċieva allegazzjonijiet dwar korruzzjoni fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada. Ordna wkoll lis-CEO tal-Fondazzjoni jtemm ix-xogħol tal-persuna imsemmija minn mal-Fondazzjoni. Il-persuna imsemmija ma tistax tiġi sospiża qabel akkuża formali. Il-Ministru Bartolo ma qgħadx jistenna l-akkuża formali u neħħa lil din il-persuna minn kull xogħol mal-Ministeru u l-Ministru ħa dawn il-passi xahrejn qabel l-istorja dehret f’ġurnal lokali.
L-istqarrija tgħid li fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-investigazzjoni li ordna l-Ministru Bartolo, huwa ordna lis-CEO tal-Fondazzjoni biex imur għand il-Pulizija bl-allegazzjonijiet. Il-Ministru Bartolo talab ukoll lill-Pulizija u lill-Internal Audit and Investigations Departmentjinvestigaw.
Temmet tħgid li l-liġi hija ugwali għal kulħadd u l-fatt li ttieħdu l-passi u kollox ġie irrapurtat lill-Pulizija, irrespettivament min hu jew hi l-persuna xhur qabel ma deher rapport fil-midja, juri propju dan.