Martin Marco Baldacchino ta’ 40 sena minn Ħaż-Żebbuġ qal li ma deherx quddiem il-Qorti għax weħel fit-traffiku. Skuża li l-Qorti ma tantx niżlitilha tajjeb, għaliex ingħata xahrejn ħabs talli wera nuqqas ta’ rispett lejha.
Ir-raġel jinsab akkużat li ta n-nar lil bieb ta’ dar fil-triq prinċipali ta’ Ħal Qormi – każ li jmur lura għal Awwissu 2011. Dan it-tip ta’ reat iġib miegħu sentenza ta’ 12-il xahar priġunerija. Minbarra li huwa akkużat li kkawża ħsarat lill-propjetà tan-nies, jinsab akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ liertà proviżorja.
Dalgħodu Baldacchino ma tfaċċax il-Qorti, bl-Imħallef Antonio Mizzi jissospendi s-smiegħ għal siegħa. Meta reġa’ daħal fl-awla sab li l-akkużat kien għadu mhux hemm u qal li dan kien nuqqas ta’ rispett lejn il-Qorti u ħela ta’ ħin.