253 tifel u tifla ilhom għal iktar minn tliet snin taħt Ordni ta’ Ħarsien fejn ikunu segwiti minn ħaddiema soċjali mħarrġa li jaħdmu mal-Aġenzija Appoġġ.
Dawn it-tfal ilhom f’din is-sitwazzjoni iktar minn sitta u tletin xahar minħabba li s-sitwazzjoni fil-familja tagħhom baqgħet ma marritx għall-aħjar.
Kienet il-gazzetta Kullħadd li rrapportat dwar din ir-realtà. Tagħrif tal-Aġenzija Appoġġ dwar is-sitwazzjoni ta’ tfal u żgħażagħ li qed jingħataw ħarsien bħalissa barra minn djarhom, jikkonferma kif hawn mija ħamsa u sittin tifel u tifla li huma fostered.
Erbgħa u għoxrin tifel u tifla li jinsabu f’fostering speċjalizzat minħabba li s-sitwazzjoni tagħhom tkun iktar diffiċli. Filwaqt li mitejn u żewġt itfal jgħixu fi djar residenjzali.
Biex b’kollox hemm tlett mija wiehed u disgħin tifel u tifla f’kura barra minn djarhom. Jirriżulta li f’pajjizna hawn mal-mija u erbgħa u ħamsin familja li qed joffru kenn lil dawn it-tfal permezz tal-Fostering.
Numru li jagħti kuraġġ kbir lill-Aġenzija hekk kif minn meta beda l-fostering il-familji joffru servizzi ta’ fostering zdied b’ħames darbiet. Filfatt sittax-il sena ilu, meta beda l-fostering f’Malta, tletin familja biss offrew li jipparteċipaw, meta dak iż-żmien kien hawnn ħames mitt tifel u tifla taħt Ordni ta’ Ħarsien.
L-għan tal-Aġenzija Appoġġ jibqa’ li jiżdiedu n-numru ta’ Foster Carers. Għal dan il-għan riċentament saru erba’ korsijiet ta’ taħriġ lil diversi familji li wrew interess mal-Aġenzija Appoġġ li jagħtu kenn u mħabba lil tfal f’diffikulta.