Transport Malta m’għadhiex toħroġ liċenzji ġodda għall-parkers. Iżda minkejja li mhux qed jingħataw liċenzji ġodda, il-liċenzji tal-parkers eżistenti qed jiġġeddu minn din l-entitá li hija responsabbli li tirregola l-operat tal-car park attendants.
Tagħrif li għandha u li ppublikat il-gazzetta Illum jgħid li minkejja li l-impjieg tal-parkers eżistenti qed jiġi protett, dan iwassal biex ladarba l-carpark attendants li qed jagħtu dan is-servizz preżentament jirtiraw, din il-professjoni jaf issir xi ħaġa tal-passat.
Transport Malta qalet li l-għan ewlieni tal-car park attendants fil-parkeġġi huwa li jkun żġurat id-dħul, il-parkeġġ u l-ħruġ ordnat tal-vetturi.
B’rabta ma’ dan is-suġġett, diskussjoni ma taqta’ xejn hija dik jekk sewwieq li jipparkja f’dawn il-parkeġġi għandux l-obbligu li jagħti ammont ta’ flus lill-parker. Transport Malta spjegat li minkejja s-sewwieqa m’għandhomx l-obbligu li jħallsu, il-parker għandu d-dritt, skont ir-regolamenti li jista’ jirċievi u jżomm id-donazzjonijiet li jirċievi fil-ħin tax-xogħol.
Fil-gazzetta, Transport Malta, appellat lill-pubbliku biex jekk il-parker b’xi mod jobbligak tħallas ammont partikolari jew iġib ruħu b’mod ħażin, tirrapporta lil din l-entitá biex jittieħdu l-passi neċċessarji.
Transport Malta spjegat ukoll li l-car park attendant m’għandu l-ebda obbligu li jiddikjara d-dħul tiegħu minn dawn id-donazzjonijiet lill-Awtoritá.