Il-President-elett Amerikan Donald Trump iddeskriva l-għadd mill-ġdid iminenti tal-voti f’Wisconsin bħala ħadma.
Trump, li rebaħ l-istat marġinalment, qal li r-riżultati għandhom ikunu rispettati minflok ikunu sfidati jew abbużati. Kienet il-kandidat tal-Partit l-Aħdar Jill Stein li proponiet l-għadd mill-ġdid tal-voti.
Hija trid ukoll li jerġgħu jingħaddu dawk ta’ Michigan u Pennsylvania. Sostniet li hemm anomaliji statistiċi.
Il-kampanja tal-kandidat Demokratiku Hillary Clinton qalet li se tieħu sehem fl-għadd tal-voti ta’ Wisconsin u li hija favuriha. Ir-riżultati fit-tliet stati iridu jinqelbu biex jinbidel ir-riżultat aħħari tal-elezzjoni presidenzjali tat-tmienja tan-Novembru.