Bosta persuni llum jagħżlu li jixtru dak kollu li jkunu jixtiequ bi prezz ħafna inqas mis-soltu. Fil-ġurnata ta’ ‘Black Friday’ l-istabbilimenti jnaqqsu l-prezzijiet tagħhom u u l-pubbliku jibbenefika minn skontijiet tajbin.
Għal ġurnata waħda l-ħwienet għażlu li jibqgħu miftuħin għal ħinijiet itwal mis-soltu. Għalkemm bosta Maltin jagħzlu li jibbenefikaw minn prezzijiet irħas, huwa ċar li l-festa ta’ Black Friday għadha mhux tiġi ċċelebrata bl-istess ħeġġa bħal f’pajjiżi oħra fejn fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu diġa jkunu nġabru ħafna nies jistennew b’ħerqa il-ftuħ tal-istabbilimenti tax-xiri.
Dan jista’ jkun minħabba l-fatt li l-iskontijiet fil-ħwienet barra minn xtutna huma aktar mill-iskontijiet f’pajjiżna. Huwa għalhekk li uħud mill-Maltin jagħżlu li llum jagħmlu x-xiri tagħhom minn siti onlajn fejn il-prezzijiet tal-affarijiet ikunu verament baxxi.
Hawn hekk wieħed isaqsi r-raġuni wara li din il-‘festa’, li jiċċelebrawa ġurnata wara Thanks Giving fl-Amerka, qed tiġi ċċelebrata f’xalata ta’ skontijiet fi ħwienet differenti f’pajjiżna ukoll. Wieħed isaqsi jekk in-negozji f’Malta għandhomx għażla li f’din il-ġurnata jagħmlu prezzijiet orħos hekk kif il-kompetizzjoni diretta, jiġifieri x-xiri onlajn, tkun qed toffri prezzijiet kompettitivi.
Għalkemm din il-festa ta’ ‘Black Friday’ illum għandha konnotazzjonijiet tajbin speċjalment ma’ min iħobb jixtri, isem din il-festa mhux dejjem kien iqajjem ħsibijiet pjaċevoli. Dan għaliex l-isem fil-bidu tiegħu kien jirreferi għal-kriżi finanzjarja fl-amerika meta kien hemm kollass fis-suq tad-deheb fl-1869.
Dan seħħ wara li żewġ finanziera ta’ Wall Street ħadmu flimkien biex jixtru kemm jistgħu deheb fl-Amerka biex b’hekk jgħollu l-prezz tad-deheb fil-pajjiż. Kien fil-ġurnata tal-Ġimgħa, llum magħrufa bħala ‘Black Friday’ li l-konspirazzjoni ta’ bejniethom ġiet mikxufa.
Dan wassal biex l-istokk tas-suq jaqa’ f’daqqa bil-konsegwenza li ħafna persuni minn kull klassi soċjali tal-ħajja spiċċaw fallew. Madankollu hemm bosta stejjer oħra li għandhom konnessjonijet mhux daqshekk sbieħ ma’ dan l-isem.
Aspett ieħor li ma tantx jinżel tajjeb mal-Maltin huwa n-numru kbir ta’ messaġġi li rċivew tista’ tgħid mill-maġġoranza tal-ħwienet biex jinfurmaw lill-pubbliku dwar dawn l-iskontijiet tal-famuż Black Friday.
Iżda llum din in-negattivita’ qed tintrebaħ bill-ferħ ta’ persuni li jiċċelebraw din il-festa annwali b’xiri ikbar mis-soltu iżda bi prezz irħas. Il-Maltin li għadhom ma ċċelebrawx din il-ġurnata illejla jistgħu jorqdu iktar trankwilli hekk kif f’Malta bosta stabbilimenti se jkomplu bl-iskontijiet fil-ġranet li ġejjin.