Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Konrad Mizzi u l-Ministru għall-Kompetittività u Ekonomija Diġitali, Marittima u tas-Servizzi Manuel Mallia attendew għal trade mission f’Dubai u f’Abu Dhabi fejn indirizzaw konferenzi organizzati minn Trade Malta u minn Finance Malta, kemm fid-Dubai Chamber of Commerce kif ukoll fl-Abu Dhabi Chamber of Commerce.
Fid-diskors tal-ftuħ, il-Ministru Konrad Mizzi qal li huwa sodisfatt li ħafna mid-delegazzjonijiet ta’ negozju li saru kienu ta’ success, fejn diversi intrapriżi Maltin irnexxielhom jagħmlu diversi kuntatti barranin li llum qegħdin jaħdmu direttament magħhom. Huwa spjega kif ħafna intrapriżi bbażati Malta rnexxilhom isibu wkoll opportunitajiet ġodda f’dawn l-inħawi tad-dinja.
Huwa spjega kif Trade Malta min-naħa tal-Gvern tagħmel mill-aħjar biex tkun kemm ta’ gwida kif ukoll ta’ assistenza finanzjarja lill-kumpaniji bbażati f’Malta biex jesebixxu l-materjal tagħhom f’dawn l-avvenimenti internazzjonali. Il-Ministru rrimarka li din it-trade mission kienet waħda mill-akbar delegazzjonijiet Maltin li qatt żaru l-Emirati Għarab Magħquda.
Il-Ministru Mallia saħaq li sa Settembru tal-2016 kien hemm 134 kumpanija f’Malta li għandhom ishma fil-kumpaniji fl-Emirati Għarab Magħquda.
Il Ministru Mallia tenna li ta’ min jgħid li biex twaqqaf negozju f’pajjizna huwa ferm iżjed finzjarjament vijabbli milli kieku wieħed kellu jiftħu f’pajjiż iehor tal-Ewropa, dan għax l-ispejjeż huma bejn 20 sa 30% irħas f’Malta.
Il-Ministru fakkar li sforz ir-relazzjonijiet eċċellenti li Malta għandha mal-Emirati Għarab Magħquda, intlaħaq ftehim biex tinfetaħ Ambaxxata Maltija f’Abu Dhabi. Din l-ambaxxata se tgħin sabiex tiffaċilita r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjizi, fid-dawl li għadd ta’ Maltin qed imorru jgħixu fl-Emirati Għarab Magħquda. Hemm ukoll kumpaniji Maltin li qed iwaqqfu negozju hemmhekk.
Il-Ministru Mallia qal li pajjiżna jkun ta’ pont finanzjarju u kummerċjali, li jrodd servizz kemm lill-Unjoni Ewropeja, kif ukoll lill-pajjiżi tat-tramuntana tal-Afrika. Il-Ministru qal li tul is-snin il-kummerċ żdied b’mod esponenzjali ma’ Dubai, u barra minn hekk, din is-sena qed nerġgħu naraw żieda sostanzjali fl-investiment li ġej minn Dubai għal Malta.
Matul dawn il-laqgħat iż-żewġ ministri stiednu kemm lill-Abu Dhabi Chamber of Commerce kif ukoll lid-Dubai Chamber of Commerce biex iżuru il-gżejjer Maltin. B’sodisfazzjon, dawn laqgħu din l-istedina u ser ikunu qegħdin iżuru Malta fil-futur qarib.