Għall-ewwel darba BirdLife Malta qed tikkollabora mal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ixXjenza u t-Tekoloġija (MCAST) bħala parti mill-proġett Lifelong Learning through Nature (LLN) li jipprovdi lill-istudenti b’opportunitajiet biex joħorġu barra mill-klassi biex jitgħallmu aktar dwar id-dinja ta’ madwarhom.
Dan il-proġett tfassal biex jiżviluppa riżorsi għal edukazzjoni ambjentali u edukazzjoni marbuta mal-iżvilupp sostenibbli. Ħadem mill-qrib ma’ tfal u studenti mis-snin bikrija sal-Post-Sekondarja permezz ta’ attivitajiet edukattivi formali u informali li jixhdu l-importanza tat-tagħlim barra mill-klassi.
Grazzi għal din is-sħubija ġdida bejn BirdLife Malta u l-MCAST, ġew żviluppati speċifikament għall-MCAST żewġ taqsimiet ġodda fil-kurrikulu marbutin massostenibbiltà ambjentali (waħda f’Livell 2 u l-oħra f’Livell 3 bħala parti mill-Key Skills Science and Technology) li se jinkludu element ta’ tagħlim barra mill-klassi permezz ta’ field trip. Dan se jagħti lill-istudenti l-opportunità li jesperjenzaw żjarat iggwidati f’zona naturali.
Minbarra l-opportunità li jirrelataw man-natura u l-effetti pożittivi fuq il-wellbeing mentali u fiżiku, li l-istudenti jqattgħu ħin fl-ambjent naturali jagħtihom ukoll ċ- ċans li jifhmu r-rwol tagħhom bħala individwi fl-ambitu aktar wiesa’ tal-ekosistema. B’hekk, permezz ta’ din l-esperjenza diretta l-istudenti tal-MCAST jirrealizzaw x’inhuma l-effetti li qed iħalli l-impatt uman fuq l-ambjent naturali u kif ilkoll irridu nagħmlu għażliet li jibbenefikaw l-iżvilupp sostenibbli.
Matul l-aħħar jumejn BirdLife Malta mexxiet sessjonijiet introduttorji għal-lekċerers biex taġġornahom dwar ir-riżorsi li se jiġu pprovduti u tħarriġhom fl-organizzazzjoni ta’ dawn il-field trips għall-istudenti li se jkunu esperjenza ġdida għalihom.
Dawn is-sessjonijiet ta’ taħriġ saru f’Wied l-Isperanza fil-Mosta u f’Wied Blandun f’Raħal Ġdid. B’kollox 13-il lekċerer tal-MCAST huma involuti f’din l-inizjattiva ġdida li minnha hu stmat li se jibbenefikaw aktar minn 1,500 student.