Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo qal li ser tingħata s-somma ta’ miljum ewro sabiex il-Kunsilli Lokali jkunu jistgħu joħorġu b’ideat għal proġetti ġodda.
“It-tip ta’ ħajja li qed ngħixu saret tiddependi ħafna fuq it-teknoloġija tal-informatika fejn ħafna servizzi li jkollna bżonn huma offruti b’mod faċli elettronikament,” żied jgħid Stefan Buontempo.
Għal dan il-għan ir-Reġjun tan-Nofsinhar b’ kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali li jifformaw parti mill-istess reġjun, qed jorganizza kors bl-isem ta’ EM Citizen għal adulti u anzjani sabiex jitgħallmu jużaw is-servizzi elettroniċi.
Buontempo qal ukoll li dawn il-korsijiet huma sussidjati mill-Gvern Lokali sabiex kulħadd ikollu l-opportunità li jitgħallem kif juża apparat elettroniku komuni kif u l-internet. “B’ hekk nassiguraw li f’dinja diġitali ħadd ma jibqa’ lura għaliex permezz tat-teknoloġija tal-informatika llum wieħed jista’ jagħmel prattikament kollox u l-ħajja ssir aktar faċli”, qal Buontempo.
Fl-intervent tiegħu, l-President tar-Reġjun tan-Nofsinhar Jesmond Aquilina irringrazzja lill-Kunsilli Lokali tal-kooperazzjoni tagħhom sabiex kors bħal dan seta’ jsir għall-ġid tar-residenti fil-lokalitajiet tagħhom. Huwa qal li din hija waħda minn fost ħafna miżuri li r-Reġjun qed jaħdem fuqhom sabiex ikompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħna.
Dan il-kors li ser jibda f’ Diċembru li ġej qed jiġi mtella mill-kumpanija TCTC għall- prezz ta’ €15 ġewwa ċ-ċentri ta’ dawn il-lokalitajiet; Ħal Qormi, Is-Siġġiewi, Il-Ħamrun, Ħal Luqa, Ħal Safi, Santa Luċija u ż-Żurrieq.