- Il-pjan tal-Ombudsman għall-2017 approvat mill-Kumitat Permanenti
Il-Kumitat Permanenti dwar ix-Xogħol tal-Kamra qabel unanimament li jipproponi lill-Parlament japprova l-Ombudsplan għall-2017.
Il-Ministru Chris Cardona assigura lil-laqgħa li l-gvern kien se jara li d-drittijiet taċ-ċittadini fil-każ tal-privatizazzjoni ta’ servizzi essenzjali jibqgħu jitħarsu.
Il-Ministru kien qed jirreagixxi għall-osservazzjoni tal-Ombudsman, is-Sur Anthony Mifsud, li qal fir-rapport tiegħu li għalkemm il-privatizazzjoni hija mod pruvat kif jitjieb il-kwalità tas-servizz, l-implimentazzjoni tagħhha fl-oqsma tas-saħħa u l-enerġija tista’ twassal li ċ-ċittadini jitilfu d-dritt li jirrikorru għandu f’każ ta’ ilment jew it-teħid ta’ drittijiet bażiċi.
Is-Sur Mifsud qal li l-Uffiċju tal-Ombudsman kien medjatur ewlieni bejn is-soċjetà u l-gvern u l-potenzjal li ċ-ċittadini jistgħu jitilfu l-protezzjoni tiegħu hija sinifikanti.
Fir-rapport tiegħu, is-Sur Mifsud għamel proposta biex ikun hemm deputat Ombudsman magħżul minn fost il-Kummissarji fl-uffiċċju tiegħu biex jaqdi l-funzjonijiet fl-assenza tiegħu.