Illum saret “soft launch” ta’ dik li qed tissejjaħ “mobile government strategy”.
Din issegwi l-investiment qawwi fit-teknoloġija fl-aħħar tliet snin, fejn nibtu kunċetti ġodda bħal m’huma l-mobile apps. L-għan hu li s-servizzi mhux tiġri warajhom, int imma jkumu ppreżentati b’mod faċli.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar u l-Kap Eżekuttiv tal-MITA Tony Sultana qalu li se jkunu varati sbatax-il applikazzjoni (app) għall-mobile li jinkludu informazzjoni dwar is-servizzi rispettivi. L-apps se jkunu disponibbli għall- pubbliku f’Marzu li ġej, iżda għalissa se jkunu miftuħa għal gruppi ristretti bħala esperiment.
Eżempju ieħor, ta’ servizz iktar qrib il-pubbliku huwa s-servizz fiżiku tal-one stop shops li joffru mal-250 servizz. Grupp ieħor ta’ one stop shops se jinfetaħ dalwaqt.
Tony Sultana qal li l-aċċess għas-servizzi pubbliċi se jkun 24 siegħa kuljum, minn kullimkien, u din hija strategija għas-sentejn li gejjin. Tfasslet għal sentejn minħabba l-progress mgħaġġel tat-teknoloġija.
Hemm ħdax-il prinċipju li fuqhom kienet imfassla l-istrateġija, fosthom il-kunċett ta’ egovernment, aktar minn sors wieħed ta’ servizz, li l-app tkun ħafifa u tmexxik hi, il l-app u d-dipartiment tal-Gvern jipprovdu l-istess informazzjoni u li jkun hemm edukazzjoni dwar l-użu tal-apps. Infatti l-ewwel apps li se joħorġu f’Marzu li ġej se jkunu iffokati fuq kif tista’ tikseb l-informazzjoni.
F’Diċembru 2017 joħorġu apps oħra li jippermettu li jsiru tranżazzjonijiet, u f’Diċembru 2018 l-apps ikunu għall-użu ta’ uffiċjali pubbliċi.
Hemm ħafna informazzjoni mid-dipartimenti tal-Gvern li se tkunu aċċessibbli għall-pubbliku. L-uffiċjali mhux kollha jkunu bbażati fl-uffiċju bil-kompjuters quddiemhom, allura l-apps joffru ċertu flessibiltà.