L-aħħar jiem reġgħu kienu jiem ta’ taqlib u tensjoni fil-Partit Nazzjonalista bit-tagħrif li kellu one.com.mt issa ikkonfermat f’midja oħra, bil-ġurnalist ta’ esperjenza Noel Grima jikteb f’The Malta Independent li dan kien riżultat ta’ żewġ stħarriġ ta’ opinjoni pubblika li t-tnejn sabu li Joseph Muscat għadu ferm iktar fdat minn Simon Busuttil u li l-Partit Nazzjonalista jinsab wara l-Partit Laburista fl-istħarriġ.
“Ġimgħa ta’ tħassib intern,” iddeskriviha Noel Grima. Biex Noel Grima jsegwi artikli kritiċi oħra fosthom ta’ Simon Mercieca, wieħed mill-awturi tar-rapport tat-telfa, fl-istess gazzetta. “Iktar ma kemm l-istrateġisti tal-Partit Nazzjonalista jpoġġu lil Simon Busuttil bħala l-mexxej uniku, il-popolarità tiegħu donnu iktar tmajna,” kiteb Noel Grima.
Għalkemm żied: “Biex inkunu ġusti, Dr Busuttil qiegħed jipprova jippromwovi sens ta’ tmexxija kollettiva.” Però stqarr li jew il-grupp ma ħalliex il-marka tiegħu jew inkella kolletivament ma jiswewx ħafna.