Fil-jum li qed titfakkar il-memorja ta’ dawk kollha li tilfu ħajjithom f’inċidenti tat-traffiku, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ħadet appellat lil kulħadd biex jagħmel il-parti tiegħu ħalli jitwaqqaf it-telf ta’ ħajja bla bżonn, u bosta drabi, f’età żagħżugħa.
Il-President ħeġġet lil kulħadd biex ningħaqdu flimkien ħalli nassiguraw li t-toroq tagħna jkunu aktar safe u tajbin. Hi qalet li r-responsabilità mhix biss tas-sewwieqa iżda wkoll tal-policymakers, ta’ min jippjana t-toroq, ta’ min jieħu d-deċiżjonijiet, tal-edukaturi, u tal-pubbliku inġenerali. Qalet ukoll li kif qalet sew l-infermiera li tat l-ewwel għajnuna lil wieħed mill-vittmi dan l-aħħar, hekk kif ġara l-inċident, “ħadd m’għandu jgħaddi minn traġedja bħal din”.
“Minn qalbi nirringrazzja lill-‘Emergency Physician Response Unit’, lit-tim tal-Protezzjoni Ċivili, lill-Pulizija u lill-‘Emergency Ambulances’ operati minn infermiera mħarrġa apposta u mill-‘Emergency Ambulance Responders’, li jaslu mill-ewwel fuq il-postijiet tal-inċident. Dak li tgħamlu mal-vittmi fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom, huwa imprezzabli. J’Alla jkompli jkollkom il-kuraġġ u s-saħħa li tkomplu din il-missjoni dienja tagħkom.” qalet f’messaġġ ta’ ringrazzjament.
Il-President f’messaġġ lill-familji kollha li tilfu persuna tant għażiża għalihom, qalet li hi tifhem li xejn ma jista’ jsabbarhom, iżda ħeġġithom biex ikomplu jgħożżu l-memorji sbieħ li qasmu mal-persuna li tilfu. Hi temmet billi qalet “agħmlu kuraġġ; intom tibqgħu fi ħsibijieti u f’qalbi.”