Xejn ma ddejjaqt inżur darbtejn il-fiera tal-ktieb li għalqet ftit jiem ilu fis-sala t-twila tas-Sacra Infermeria, illum iċ-Ċentru Meditteran għall-Konferenzi. Appuntament li min iħobb il-ktieb m’għandu qatt jitlef.
Kelli okkażżjoni, lejla minnhom, nintroduċi traduzzjoni ta’ Malta Ħanina tal-eks-ambaxxatur Franċiż Daniel Rondeau. Fil-fatt l-ambaxxati Franċiża u Taljana, inkluż sehem qawwi minn Sqallija, għadhom b’kurraġġ u twemmin fina, joffru ventilazzjoni friska bi ftit titli pertinenti għas-suq Malti; ħasra li oħrajn barranin aktarx waqgħu mal-mogħdija taż-żmien.
Xi wħud oħra bħal donnhom iqiesu s-suq Malti limitat wisq – forsi min jaf, din il-fiera, li bdiet tissejjaħ Festival – jiġifieri Salon du Livre – għad ma saretx biżżejjed internazzjonali biex tiġbed lejha publikaturi/awturi anki barra l-Ewropa bħall-Amerka, l-Afrika, l-Asja, l-Awstralja li kollha jiktbu bl-Ingliż. Nemmen li bi sforz innovattiv nistgħu niddiversifikaw kemm il-ġografija kif ukoll il-ġeneri ta’ dan l-avveniment.
Melitensia u tat-tfal?
Bħas-sena l-oħra għoxejt nara t-tfal jiffurmaw parti kbira mill-udjenza anki jekk kien filgħaxija. Il-kotba għat-tfal kulma jmorru – din is-sena ħafna aktar – qed jiddominaw il-bejgħ. Mhawnx isbaħ milli tħabbeb liż-żgħar mal-ktieb, xejn xejn offerta essenzjali f’dinja fejn ħajjithom iħabbtu wiċċhom kważi biss mal-iskrin tat-tablet, tal-mobajl jew tal-kompjuter. Kotba għat-tfal kien hemm f’diversi lingwi u nxtraw bil-gzuz.
Din tissejjaħ barka iżda fl-istess waqt tista’ tkun sogru. Jidher li kull min jieħu sehem fil-fiera intebaħ li l-forza qegħda fil-bejgħ ta’ kotba għat-tfal (sintendi b’inkoraġġiment f’postu mill-adulti); is-sogru jidħol meta tfittex kotba intelletwali – u mhux bilfors titli tal-Melitensia – u ma ssibhomx. Ma nagħtix tort sa barra lil dawk li ekonomikament jibżgħu jesponu titli serji barranin, mhux biss tal-istħajjil, biex l-adulti jkollhom l-attrazzjoni għalihom ukoll.
Il-miġemgħa ta’ tfal f’ħinijiet ta’ filgħaxija u n-nuqqas enormi ta’ servizz ta’ kafetterija tajba fil-post biex tħajjar id-diskussjoni intelletwali qed joħolqu żvantaġġ (kważi ommissjoni) għal dan il-pass tant meħtieġ fis-soċjetà insulari tagħna. Jekk nixtiequ nagħmlu progress iżjed fl-ideja ta’ salon tal-ktieb ma nistgħux narmaw biss bil-Melitensia (li allaħares ma kienetx hi) u bil-kotba tat-tfal.
Inċentivi tajba
Ċert li l-Kunsill tal-Ktieb jagħrfu dan u għandu mitt elf raġun jħaqqaqha li mhux faċli tagħmel il-progress li qed nipproponi. Ikollhom raġun jżiedu wkoll li jagħmlu sforzi oħra bħall-Premju tal-Ktieb (bi problema nazzjonali li l-istess ċirku żgħir ta’ nies jiġġudikaw l-awturi – pajjiż ċkejken b’xibka ta’ ammirazzjoni mutwali) u bħas-sensiela stupenda, għalkemm maħruba, televiżiva ta’ ‘Xi Qrajt dan l-Aħħar’.
Forsi wasal iż-żmien iżda li fil-festival tal-ktieb nagħmlu ħinijiet jew ġranet jew avvenimenti differenti biex nilħqu dan l-għan – ma tridx toqtol l-entużjażmu li jeżisti fl-avveniment kif inhu – prosit – imma ma tistax tixtieq tmur lejn Festival u tibqa’ mkaħħal fil-fiera sempliċiment għal raġunijiet ta’ ekonomija akkomodanti. Dan il-pass aktarx jitlob sfida ambizzjuża.
Postijiet innovattivi fil-qalba tal-Belt
Fl-imgħoddi kelli wkoll okkażżjoni nsemmi leħni dwar post aktar fil-qalba tal-Belt li jiffrekwentaw in-nies – diffiċli ssib sala bħal dik tal-Kavallieri (li ilha tintuża żmien twil) imma immaġina kemm taqbad aktar nies f’post iżjed milħuq fil-Belt – kieku ġie sfruttat aħjar it-teatru bla saqaf, per eżempju.
Post ieħor, meta jitlesta, hu l-eks-Premier u Misraħ Repubblika nnifsu fejn tista’ allura tuża wkoll l-ispazji taħt il-ħnejjiet tal-madwar li jibqgħu sejrin sa quddiem il-Qorti.
Alternattivi oħra jinstabu jekk tagħrbel ftit idejat innovattivi: nammira lill-Valletta 2018 bl-ideja li ħarġu dax-xahar għall-Konferenza dwar Bliet bħala Spazji Kommunitarji meta firxu t-taħditiet u l-attivitajiet internazzjonali f’postijiet differenti li jvarjaw minn każin tal-banda, sala ta’ knisja, lukanda fi Strada Stretta u skola primarja, postijiet li rari konna naħsbu fihom. Żort bosta salons: Edinburgu, Ġinevra, Pariġi, Barċellona u l-Ġermanja – hawn fil-Mediterran nistgħu nsiru tassew internazzjonali jekk nagħrfu nkattru l-ġeneri u nirriklamaw bil-kbir, kif inħobbu u nafu nagħmlu.
Fejn ġa qed nuru ħilitna biex inkunu fost l-aqwa din hi sfida żgur daqs, jekk mhux akbar, minn tal-Eurovision.
Monopolju ta’ libreriji
Dan il-bżonn ta’ direzzjoni aktar preċiża fit-tixrid tal-ktieb jinħass iżjed meta tintebaħ li l-pjaċir u l-gost li tidħol ġo ħanut u tqalleb ftit titli ta’ sfida intelletwali spiċċa minn Malta. Il-Belt biss sparixxew xi 10 ħwienet tal-kotba – anzi bil-monopolju ta’ l-istess ħanut kullimkien, waqt li joffri kumdità (għax issib xelta ta’ ġurnali u bżonnijiet mundani oħra) qed jixxotta għal kollox il-varjetà u l-limitu ta’ titli mfittxa internazzjonalment għal ħsiebijiet kreattivi. Biex tkompli tagħqad issa milli jidher din il-katina waħdanija nazzjonali daħlet fi sħab ma’ katina ġgantija Ingliża fejn fil-ħwienet tagħha nittama li t-titli tal-Melitensia ma jgħibux.
Nemmen li hawn post il-preżenza ta’ ditti oħra barranin basta jekk fostna jiġu mistiedna wkoll ktajjen oħra ta’ varjetà internazzjonali bħal Foyles, Waterstones, Anglo American Book Co., Rizzoli, Filigranes, FNAC u Gibert Jeune, l-aħħar tlieta libreriji ta’ fama Frankofona li jpaxxuk b’xelti tremendi.
Nifhem li mhux faċli iżda jekk waslet ġa waħda fostna, għandhom isiru sforzi biex tasal xi oħra wkoll, imqar għal għażla akbar lill-konsumatur. Forsi wasal ukoll iż-żmien li l-Università tibda tkun pubblikament preżenti aktar bil-pubblikazzjonijiet tajbin u akkademiċi tagħha. Per eżempju ma narax għaliex l-Università jew il-Kunsill tal-Ktieb ma jieħdux l-inizjattiva biex jibdew, imqar fi sħab, xi Librerija-Bistro jew -Kafè kif insibu f’bosta bliet Ewropej, x’imkien il-Belt.
Naħseb li għalina l-Maltin il-pjaċir tal-browsing (tqalleb u tixtarr) ta’ kotba li jaħjuk mentalment issibu biss jekk issiefer. Jidhirli li wasal iż-żmien li nibdew naħsbu (anki f’sens kummerċjali) li niddiversifikaw is-suq tal-ktieb b’anqas monopolju u b’aktar libertà biex ma nħallux it-teknoloġija teqred pilastru essenzjali tal-letteratura u l-edukazzjoni. Kieku ma hawnx l-Internet kieku magħmula tagħna u tal-eluf barranin li ġew jaħdmu u jgħixu fostna. Issa li l-istituzzjonijiet għolja f’dil-gżira qed joktru – l-Imsida, il-Belt, Bormla, iż-Żonqor, Korradino u oħrajn – se nibqgħu insulari u allura mċaħħda minn ftuħ il-moħħ?
Biex nagħti eżempju isħeħ ta’ liema tip ta’ kitba tieħu gost tqalleb fuq xkaffa se nsemmi biss żewġ kotba li nzertajt qed naqra bħalissa: Homo Deus, A brief history of tomorrow tal-professur Lhudi Yuval Noah Harari u The History Thieves tal-professur Ingliż Ian Cobain; dan tal-aħħar jitratta kif l-Imperu Ingliż ħeba jew qered l-istorja tal-kolonji permezz ta’ dokumenti imbarazzanti li ġew imwarrba bla ma għarrfu lill-eks-kolonji, inkluża Malta u lill-istess pubbliku fir-Renju Unit. Jekk trid ftit qari impenjattiv għalina l-Maltin ikollok tbierek l-online bookstores barranin. Ma jifdallekx triq oħra. X’ma nżiedux ix-xiri onlajn hawn Malta?!
F’ras il-blog naraw pub tipikament Ingliż biswit il-Librerija Nazzjonali Franċiża (BNF) Pariġi miżżewweġ ma’ brasserie Franċiża kompluta bl-isem The Frog għall-koxox taż-żrinġijiet delizzjużi li jafu jsajjru fi Franza.
Ir-ritratt tal-ġimgħa juri l-librerija Gibert Jeune fil-qalba ta’ St Michel Pariġi, wieħed mill-ħwienet favoriti tiegħi biex issib titli li jitimgħu għalf għall-moħħ. Ħasra li dit-tip ta’ għażla fit-titli f’Malta naqset qatigħ.