Iktar ma l-Oppożizzjoni titkellem, iktar qed tikkonferma li l-uniku pjan li għandha hu li nibqgħu nużaw il-heavy fuel oilgħal snin twal, u biex pajjiżna forsi jkollu provvista li tgħolli l-kontijiet. Inkella nerġgħu lura bid-dawl jinqata’ fid-djar għax il-pjan li qed tressaq ifisser li pajjiżna mhux se jkollu provvista ta’ enerġija suffiċjenti.
Il-Gvern spjega li bil-pjan tal-Kap tal-Oppożizzjoni pajjiżna jibqa’ juża l-aktar parti qadima ta’ Delimara, b’ċumnija b’tul ta’ 150 metru, u bil-power station tal-Marsa miftuħa.
Mistoqsija jekk, skont il-pjan tagħha, b’liema impjanti tal-enerġija taħseb li se ttellgħa d-domanda biex naslu li jintlaħaq il-peak, il-kelliema tal-Oppożizzjoni ma kinitx taf twieġeb.
Il-Gvern qal li huwa redikolu li l-Oppożizzjoni filli bdiet tbeżża’ bl-isplużjonijiet u bil-periklu għar-residenti biex issa spiċċat titkellem dwar il-mewġ, bl-Avukat Ann Fenech titkellem bħallikieku esperta fis-sigurtà.
Dan meta l-esperti ingaġġati mill-awtoritajiet kompetenti huma ta’ fama internazzjonali, u fil-preżentazzjoni tal-bieraħ ippreżentaw ir-rapporti dwar il-proġett li juru biċ-ċar li l-infrastruttura l-ġdida hija sigura, nadifa u aktar ambjentali.
Il-pjan tal-Oppożizzjoni huwa ċar: immorru lura għal kontijiet ogħla, għall-Heavy Fuel Oil u l-qtugħ ta’ dawl regolari. Huwa inkwetanti kif il-Partit Nazzjonalista qiegħed jitfa’ pressjoni żejda fuq l-awtoritajiet indipendenti.