BMIT Limited, l-akbar operatur fil-qasam tad-data centres f’Malta, illum inawgura ċentru ġdid ġewwa SmartCity Malta b’investiment ta’ €3,500,000, li ġie uffiċjalment inawgurat mill-Ministru Christian Cardona. Dan iċ-ċentru huwa mibni bl-ogħla standards f’din l-industrija, u jagħmel użu mill-aktar teknoloġiji avvanzati f’dan il-qasam.
BMIT ħabbret ukoll network ġdida b’veloċità għolja li jgħaqqad iċ-ċentri tad-data ta’ din il-kumpanija f’Malta, l-Italja u l-Ġermanja flimkien, u mal-Internet. Dan in-network ġdid ser ikun qed joffri konnettività ta’ 40Gbps, u jipprovdi kwalità għolja fil-qasam tas-servizz tal-internet lill-klijenti tagħha.
“Permezz ta’ dawn iż-żewġ investimenti, l-klijenti tagħna ser ikollhom aċċess għall-aħħar teknoloġiji, f’ċentri tad-data mifruxin madwar Malta, l-Italja u l-Ġermanja. Dan in-network ġdid jipprovdi kapaċità għolja ħafna, b’konnettività bi prestazzjoni għolja madwar iċ-ċentri tagħna u l-Internet. Aħna kburin li mseħbin m’uħud mill-partners internazzjonali ewlenin f’dan il-qasam biex wettaqna dan il-proġett b’suċċess. Barra minn hekk, qed nużaw diversi konnessjonijiet bl-użu tal-fibre il-barra minn Malta biex b’hekk noffru l-aqwa servizz li wieħed jista’ jipprovdi”, ikkummenta Christian Sammut, CEO ta’ BMIT.
Il-Ministru Cardona stqarr li dan iċ-ċentru l-ġdid mhuwiex biss investiment għal BMIT, iżda wkoll investiment fl-ekonomija u s-settur tan-negozju f’Malta. Spjega wkoll li s-servizzi pprovduti minn BMIT huma kruċjali għal negozji ta’ kull daqs, speċjalment dawk dipendenti fuq is-servizzi tal-informatika 24 siegħa kuljum.
“Dan iċ-ċentru tad-data jikkonferma t-tkabbir fl-entitajiet kummerċjali speċjalizzati fl-IT li huma bbażati f’Malta, u jżidu kunfidenza kummerċjali fil-pajjiż innifsu. BMIT mhux qed tinvesti biss fl-infrastruttura tagħha, iżda qed taħdem ukoll biex ittejjeb il-kwalità f’dan il-qasam. Dan jipprovdi serħan tal-moħħ għall-operaturi li jfittxu li jistabbilixxu l-operat tagħhom f’Malta. BMIT kontinwament jinvestu fl-iżvilupp ta’ diversi teknoloġiji nnovattivi, u dan ikompli jgħolli mhux biss ir-reputazzjoni ta’ din il-kumpanija, iżda wkoll ta’ Malta”, qal Dr Cardona.
Emerson Network Power, waħda mill-kumpaniji ewlenin f’dan il-qasam madwar id-dinja, kienu l-partner ewlieni li għenu lil BMIT biex iwettqu dan il-proġett b’suċċess.