It-tbatija tħossha kull ħlejqa. Mhux il-bniedem biss iħoss l-uġiegħ u d-dwejjaq. Ilkoll kemm aħna xi darba jew oħra ħassejna li d-drittijiet tagħna ma ġewx irrispettati. U bir-raġun kollu semmajna leħinna, ipprotestajna fejn kien hemm bżonn, iġġilidna għad-drittijiet tagħna.
Fi stqarrija l-MPE Marlene Mizzi qalet li l-annimal m’għandux vuċi u ma jistax isemma’ leħnu u ma jistax jipprotesta. Bil-wisq inqas jista’ jiġġieled għad-drittijiet tiegħu. Allura għax l-annimali huma bla vuċi, m’għandhomx ikollhom drittijiet? Propju għal dan il-għan se tittella’ l-konferenza tal-annimali Rights of the Voiceless, fejn se jiġu diskussi l-istandards tal-ħarsien tal-annimali u l-benessere tagħhom f’Malta u fl-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-Presidenza Maltija fl-2017.
Nhar il-Ġimgħa, 18 ta’ Novembru, se tittella’ l-konferenza “Rights of the Voiceless“, organizzata mill-Membru tal-Parlament Ewropew Marlene Mizzi u appoġġjata mill-grupp tal-S&D tal-Parlament Ewropew. Mizzi hija l-Viċi-President tal-Animal Welfare Intergroup tal-istess Parlament Ewropew.
Fi kliem l-MPE – Rights of the Voiceless hija opportunità unika biex dawk li għandhom għal qalbhom l-annimali jingħaqdu flimkien, jiddiskutu u jaraw x’għandu jsir biex niffaċċjaw għadd ta’ kwistjonijiet marbutin mal-ħarsien tal-annimali.
Se jiġu diskussi d-drittijiet tal-annimali u kif jista’ jittejjeb il-ħarsien tagħhom f’Malta u fl-Unjoni Ewropea. Kulmin jinteressah dan is-suġġett huwa mistieden jipparteċipa. Dak li se joħroġ minnha se nkomplu naħdmu fuqu fuq livell, mhux biss nazzjonali, iżda anke Ewropew.
Il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Vytenis Andriukaitis, se jiftaħ il-konferenza b’video message speċifikament għal Rights of the Voiceless. Imbagħad bħala kelliema fuq il-panel se jkollna lis-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Roderick Galdes; lil Reineke Hameleers, Direttriċi tal-Eurogroup for Animals; lil Emanuel Buhagiar, Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali f’Malta; Barbara Cassar Torreggiani, President tal-SPCA Malta; u l-attivista tal-annimali Moira Delia.