Is-sena li għaddiet, 785 Libjan ingħata protezzjoni f’pajjiżna. Malta kienet l-aktar pajjiż li offra protezzjoni lil nies Libjani. Ebda pajjiż Ewropew ieħor ma kellu l-Libja mniżżla bħala wieħed mit-tliet nazzjonijiet li rċivew protezzjoni.
Ċifri ppublikati mill-Eurostat juru li 59.3% ta’ dawk kollha li ngħataw protezzjoni kienu Libjani.
Fit-tieni post bħala l-aktar poplu li rċieva ‘status’ ta’ protezzjoni f’pajjiżna hemm is-Sirjani, bin-numru jlaħħaq il-280. Umbad hemm l-Eritreani, b’60 protezzjoni mogħtija.
F’pajjiżna s-sena li għaddiet ittieħdu 1,320 deċiżjoni pożittiva għal dawk li applikaw għall-ażil. Minn dawn, 290 ġew rikonoxxuti bħala refuġjati, 955 ingħataw protezzjoni sussidjarja u 75 ingħataw protezzjoni għal raġuni umanitarja. Ebda refuġjat ma’ ġie rilokat.
Jekk nieħdu l-medja Ewropea, naraw li l-aktar li ngħataw protezzjoni kienu s-Sirjani, umbad l-Eritraeni u l-Iraqeni. Stati Membri Ewropej bejniethom kollha provdew protezzjoni lil 340,000 applikant għall-ażil is-sena li għaddiet.