Filwaqt li rreferiet għall-każ li qed jiġi mistħarreġ minn inkjesta dwar mediċina fl-ITU li qabżet id-data ta’ skadenza, l-Oppożizzjoni issa ħarġet tattakka lill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliema għas-saħħa, tal-Oppożizzjoni, ikkonfermat li d-deċiżjoni li tingħata l-mediċina ttieħdet mill-konsulent mediku imma fl-istess waqt iddeċidiet li dan ma kellux isir.
Fi stqarrija l-Ministeru għas-saħħa spjega li filwaqt li huwa minnu li dawn it-tip ta’ deċiżjonijiet jittieħdu mill-professjonisti, u mhux mill-politiċi, l-Oppożizzjoni qed tippretendi li għandha tkun hi li tiddeċiedi jew tindaħal fi kwistjonijiet kliniċi fl-isptarijiet.
Il-Ministeru qal li fuq kollox, ix-Shadow Minister Claudette Buttigieg, għal darba oħra, uriet li ma tkunx taf dwar xiex qed titkellem, meta qalet li t-Tamiflu tinsab fil-formularju tal-Gvern. Il-verità hi li t-Tamiflu mhix u qatt ma kienet fil-formularju tal-Gvern kif ġie kkonfermat mid-Direttriċi għall-Affarijiet Farmaċewtiċi fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa.
Din hija prova oħra li l-każ li seħħ fl-ITU m’għandu x’jaqsam xejn mal-mediċini out of stock li dwarhom l-Oppożizzjoni m’għandha l-ebda kredibilità. Kulħadd jiftakar kif fl-2009 kien hemm ġimgħa partikolari fejn saħansitra l-mediċini out of stock qabżu s-690. Illum, il-mediċini out of stock saru l-eċċezzjoni u mhux ir-regola kif kienu fi żmien meta Claudette Buttigieg kienet impjegata fil-Ministeru għas-Saħħa.
Il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ Claudette Buttigieg reġgħet ikkonfermat li l-Oppożizzjoni trid treġġa’ l-arloġġ lura għas-sitwazzjoni ta’ mediċini out of stock, listi esaġerati ta’ stennija u pazjenti fil-kurituri, bl-isptarijiet St Luke’s, Karen Grech u l-Isptar ta’ Għawdex f’telqa u f’abbandun kif ħalliet warajha hi stess tliet snin u nofs ilu.