Matthew Caruana, raġel ta’ 25 sena kien l-aħħar vittma ta’ inċident bil-mutur li seħħ fi Triq il-Kosta. Kienu l-bosta li x’ħin raw ir-ritratti tal-vittma, li ntebħu li kienu għadhom kemm tilfu ħabib u membru familjari tagħhom. Kienu biss messaġġi sbieħ u ta’ tifħir għal dan iż-żagħżugħ, li tilef ħajtu f’mewta traġika.
Jispikka wieħed mill-messaġġi li tpoġġa fuq facebook, propju minn oħt Matthew.
“Ma nistax nemmen din it-traġedja, ma nistax nemmen lil għajneja u li mhux se narak iżjed. Matthew inti kont raġel uniku u umli. Inti ħija l-kbir u l-idolu tiegħu. Minn dejjem kont tipprotteġini u tieħu ħsiebi. Naf li xorta waħda dejjem se tkun miegħi, f’kull mument.”
Oħt Matthew, iddeskrivit li t-tfajla tiegħu kienet għadha kemm qaltila li se jitilgħu ħdejha l-Ingilterra fejn qed isegwi l-istudji tagħha, iżda b’din l-aħbar kerha ntebħet li mhux se tara lil ħuha iżjed.
“Inħobbok għal dejjem Matthew” – Dan kien il-messaġġ emozzjonali ta’ din it-tfajla li bħal donnha ma tistax temmen ir-realtá kiefra tal-ħajja li ċaħdita minn ħuha.