Il-Parlament approva unanimament it-tieni qari tal-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Koabitazzjoni, li l-Ministru Helena Dalli qalet li se jipprovdi għal tliet tipi ta’ koabitazzjoni.
Meta ntroduċiet l-abbozz, il-Ministru Dalli qalet li din il-liġi hija pass ieħor fil-bini ta’ soċjetà li tirrispetta lill-individwi kollha u l-għażliet li jagħmlu. Il-bżonn ta’liġi bħal din kien ilu jinħass sa mis-snin 90. Hija kkritikat lill-amministrazzjonijiet preċedenti li qatt ma waslu biex taw lil poplu dak li wegħduh.
Iċ-ċensiment tal-2011 wera li kien hem mill-inqas 1,400 koppja li dak iż-żmien kienu qed jikkoabitaw u sa issa żgur li dan in-numru żdied. Minbarra Abbozz ta’ Liġi tal-2011, li l-Ministru qalet kien jiddiskrimina kontra tipi ta’ familji mhux tradizzjonali, sa issa ma kien hawn ebda liġi li tiggarantixxi d-drittijiet ta’ kull parti f’koabitazzjoni.
Il-liġi l-ġdida tħares lejn koppji li jikkoabitaw bħala familji.
Il-Gvern qed jipproponi tliet tipi ta’ koabitazzjoni, dik de facto, dik b’kuntratt u dik permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali.
Il-Ministru qalet li taħt il-koabitazzjoni de facto koppja li ma tkunx ilha aktar minn sentejn flimkien mhux se jkollhom drittijiet u obbligi lejn xulxin.
Il-koppja ma jkollhiex bżonn tagħmel dikjarazzjoni uffiċjali dwar ir-relazzjoni għalkemm fejn tidħol proprjetà u l-liġi taħseb għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ sidien ta’ postijiet li jkunu mikrija lil koppja taħt din it-tip ta’ koabitazzjoni.
F’każ li xi ħadd mill-koppja tmut, il-koabitant ikollu jew ikollha dritt għall-parti li kienet tal-persuna li mietet. Dritt ieħor huwa li jistgħu ma jixhdux kontra xulxin f’kawżi fil-Qorti kif għandhom dritt il-miżżewġin.
F’każ li r-relazzjoni tintemm tkun il-koppja li tiddeċiedi kif ittemm din ir-relazzjoni u kif se taqsam l-assi li kellha.
It-tieni forma ta’ koabitazzjoni proposta hija dik b’kuntratt fejn qed jiġu esklużi persuni taħt l-età, axxendenti jew dixxendenti, aħwa, persuni adottati, persuni marbutin bi żwieġ jew unjoni ċivili u dawk f’koabitazzjoni oħra.
Il-kuntratt irid isir quddiem nutar fejn il-koppja trid tiddikjara fejn se toqgħod u s-sehem li għandha fuq il-proprjetà u kif jinqasmu l-assi u d-djun f’każ li tinfired.
Il-koppja trid tinftiehem minn qabel fuq it-tfal li jkunu se jgħixu magħhom jekk l-istess tfal ikunu ta’ naħa waħda.
Bħala drittijiet u dmirijiet hemm fost oħrajn dawk għall-għajnuna soċjali, pensjoni tar-romol, dritt tal-pensjoni, għajnuna tal-mard u allowances.
Il-kuntratt jintemm jekk naħa tmut, jekk il-koppja tiftiehem li ttemmu jew jekk naħa ma tibqax tikkoabita u titlob fil-Qorti li l-kuntratt jiġi mitmum.
It-tielet forma ta’ koabitazzjoni hija dik permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali permezz ta’ ittra uffiċjali fejn il-koppja trid tagħti d-dettalji tal-persuna li tkun se tikkoabita magħha, l-indirizz u dikjarazzjoni li m’hemm xejn xi jżommha milli jidħlu f’kuntratt ta’ koabitazzjoni. L-ittra trid tiġi konfermata b’ġurament fil-Qorti.
F’din il-forma ta’ koabitazzjoni, il-koabitanti jkunu qed jirrifjutaw li jidħlu f’kuntratt li jirregola l-koabitazzjoni ta’ bejniethom. Id-dikjarazzjoni ma ttemmx id-drittijit li l-koabitanti jkunu jgawdu bil-koabitazzjoni tat-tip ‘de facto’.
Il-liġi telenka fid-dettall id-drittijiet u d-dmirijiet fit-tliet tipi ta’ koabitazzjoni u kif il-Qorti tħares lejhom kemm waqt iż-żmien tal-koabitazzjoni kif ukoll f’każ ta’ firda.