Fl-Ingilterra mijiet ta’ persuni li jħobbu l-annimali tfaċċaw meta ċertu Mark Woods ħareġ lill-kelb tiegħu Walnut għall-aħħar mixja tiegħu.
Dan wara li għamel appell imqanqal biex kull min għandu l-klieb għal qalbu jissieħeb miegħu biex jieħu l-kelb ta’ 18-il sena fl-aħħar mawra. Bilkemm nistgħu nsejħulha mixja, għax Walnut kellu jinġarr minn sidu. Il-kelb ma jistax jimxi aktar minħabba x-xjuħija.
Mark u Walnut marru l-bajja ta’ Porth fi Newquay, filwaqt li fit-triq setgħu josservaw kartelluni b’isem Walnut. Il-kelb kien mgħotti b’kutra sabiex ma jħossx bard, u kbar u tfal marru jfissdu fih. Ingħata wkoll l-ikel favorit tiegħu: burgers u ħelu tal-custard.
Il-kelb kellu jingħata injezzjoni biex tintemm ħajtu fil-11:30 ta’ dalgħodu, ħin Ingliż.