Kelma Kelma u l-Fondazzjoni Inspire ingħaqdu ma’ 12-il artist biex jagħtu esperjenza artistika li tħalli effett fil-ħajja ta’ nies fil-bżonn.
Tnax-il artist ta’ talent kbir u ta’ qalb kbira għamlu pittura oriġinali li tirrappreżenta wieħed mix-xhur tas-sena skont kif inhu mfisser f’qawl Malti. Il-qwiel marbuta mat-tnax-il xahar tas-sena ntgħażlu minn Dr Michael Spagnol li jmexxi l-paġna Kelma Kelma.
Il-pitturi ngħataw bħala donazzjoni lill-Inspire biex jitqiegħdu f’kalendarju tal-2017 li qed jinbiegħ b’risq il-Fondazzjoni Inspire. Il-kalendarju għandu żewġ għamliet: daqs A5 jiddendel jew joqgħod wieqaf waħdu fuq l-iskrivanija. Jinbiegħ €6.50 mis-sit elettroniku tal-Inspire, u l-prezz jinkludi l-posta f’Malta u Għawdex.
It-tnax-il pittura oriġinali se jiġu rkantati biex jinġabru fondi għall-Inspire. Bejn l-10 ta’ Novembru u t-3 ta’ Diċembru se tittella’ wirja bil-pitturi fil-Hilltop Gardens, Triq l-Inkwina, in-Naxxar. F’dan il-perjodu se jinfetaħ ukoll l-irkant fuq l-internet.
L-artisti li ħadu sehem huma Marisa Attard, Steve Bonello, Ġorg Mallia, Debbie Caruana Dingli, Nadine Noko, C.S. Lawrence, Mark Scicluna, Moira Zahra Scicluna, Saviour Baldacchino, Berivan Serin, Sam Degaetano u Hayley Acreman.
Biex tixtri l-kalendarju u biex tara l-pitturi rkantati, idħol fis-sit www.inspire.org.mt
L-Inspire temmen li kulħadd għandu d-dritt għall-ugwaljanza u l-inklużjoni. Il-missjoni tagħha hi li tipprova tgħin lil kull min għandu diżabilità biex jikseb dan, billi tipprovdi lill-individwi u lil qrabathom servizzi ta’ edukazzjoni, terapija u divertiment. Tippromwovi l-inklużjoni, teduka lill-pubbliku, toħloq kuxjenza fost dawk li jikkoperaw magħha, u għandha l-aqwa bażi ta’ għarfien fuq id-diżabilità f’Malta.
L-Inspire tgħin lil individwi b’diversi diżabilitajiet, fosthom is-sindrome ta’ Down, l-awtiżmu, u l-paraliżi ċerebrali, u dan tagħmlu b’għadd ta’ servizzi u programmi għall-persuni b’diżabilità li huma offruti b’rata sussidjata u f’ċerti każi anke mingħajr ħlas.