F’Londra, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici indirizza l-għaxar edizzjoni tal-konferenza dwar ir-residenza globali u ċ-ċittadinanza, organizzata minn Henley and Partners, fejn Malta ntużat bħala eżempju ta’ pajjiż li qed iħaddem programm li jħalli l-frott, iżda li fuq kollox huwa mmexxi b’mod serju u sigur.
Matul id-diskors tiegħu l-Ministru Bonnici għamel enfasi fuq it-trasparenza u l-iskrutinju serju tal-programm ta’ ċittadinanza b’investiment f’pajjiżna.
Spjega wkoll li dan il-programm huwa mħaddem minn regolatur indipendenti li wara evalwazzjoni b’reqqa, jiddeċiedi jekk persuna tissodisfax il-kriterji kollha stabbiliti sabiex tingħata ċ-ċittadinanza.
Il-Ministru Owen Bonnici tenna li hu għalhekk li pajjiż m’għandux jintroduċi programm bħal dan meta jkun fi stat finanzjarju diffiċli, iżda meta l-ekonomija tal-pajjiż tkun sejra ‘l quddiem, bħal fil-każ ta’ Malta. Matul id-diskors tiegħu, il-Ministru fakkar kif, ta’ kull sena, ir-regolatur indipendenti jippubblika rapport lill-kumitat ta’ monitoraġġ kompost, fost oħrajn, mill-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Huwa qal ukoll li, wara kważi tliet snin mill-introduzzjoni tiegħu, dan il-programm ikkontribwixxa 300 miljun ewro fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Barra minn hekk, intefqu wkoll aktar minn 70 miljun ewro f’xiri u kiri ta’ proprjetà.