BirdLife Malta qalet li tinsab imħassba serjament dwar il-possibbiltà li z-zona li ddawwar ir-Riserva Naturali tas-Simar fix-Xemxija “tispiċċa fil-mira ta’ żvilupp li jkollu impatt negattiv”.
Fi stqarrija mibgħuta mill-kap tal-komunikazzjoni Nathaniel Attard, intqal li f’zona viċin ir-riserva hemm djar ta’ żewġ sulari, li madanakollu l-Pjan Lokali tal-Majjistral tal-2006 jagħtihom il-fakultà li jgħollu sa erba’ sulari.
Birdlife stess jgħidu li “dan għadu ma mmaterjalizzax”.
Fi kliem il-Birdlife, “għalkemm suppost li dawn l-inħawi ma jikkwalifikawx għal żvilupp ‘high-rise’, jidher li dak li jista’ jiġri hawnhekk hu fl-istess linja ta’ żviluppi li qed jiġu permessi madwar il-pajjiż skont il-high-rise policy li bħalissa tinsab fil-mira ta’ kritika qawwija kaġun ta’ għadd ta’ proġetti kontroversjali”.
Birdlife ħeġġet lill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi u lill-Awtorità tal-Ippjanar biex jieħdu pożizzjoni u jiddikjaraw li mhux se jippermettu dan l-iżvilupp, liema żvilupp huwa ineżistenti.