Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo ssuġġerixxa li l-Oppożizzjoni għandha tirraġuna ftit aktar.
Dan meta għalaq id-dibattitu fit-tieni qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Ilsien Malti, il-Ministru Bartolo kellu kliem iebes għax-Shadow Minister George Pullicino u l-membru Karl Gouder li ssuġġerew li l-emendi li kien qed iressaq il-gvern kien qed jindaħal fil-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti billi jżid in-numru ta’ membri biex jingħata rikonoxximent u jiġu nklużi entitajiet u għaqdiet li qed jagħtu kontribut lill-ilsien Malti bil-ħidma tagħhom kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.
Huwa enfasizza li kollox se jibqa’ kif inhu. Anke jekk iċ-Ċermen se jinħatar mill-gvern, dan se jagħmlu wara rakomandazzjoni flimkien jew separatament mill-Akkademja tal-Malti u mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università.
It-tnax-il membru l-oħra se jiġu nominati mill-entitajiet li se jirrappreżentaw.
Il-Ministru Bartolo issuġġerixxa li għandhom ikomplu l-isforzi biex ikun hemm ċekkatur (spellchecker) tal-ilsien Malti fuq l-Internet. Huwa wissa li darba l-Ilsien Malti ma jibqax suġġett biex persuna tidħol fl-Università, allura jkun il-bidu tal-mewt tal-lingwa.
Huwa ħabbar ukoll li l-ilsien Malti qed jgħallmuh fl-Università tal-Ilsna Barranin f’Beijing, iċ-Ċina, u fl-Univerità ta’ Bremen, fil-Ġermanja.
L-abbozz għadda unanimament.