F’deċiżjoni bla preċedent, il-Qorti Kostituzzjonali ordnat lill-awtoritajiet ifasslu mekkaniżmu li se jippermetti priġunieri li jservu sentenza ta’ għomor il-ħabs japplikaw għal parole, japplikaw għal reviżjoni tas-sentenza mgħotija lilhom u għall-possibbiltà ta’ sentenza mnaqqsa.
Id-deċiżjoni kienet parti tas-sentenza mogħtija f’kawża ppreżentata mit-Tuneżin Bel Ali Wahid Ben Hassine – li kien ammetta l-qtil ta’ erba’ persuni fl-1988. Il-Qorti qalet li sentenza ta’ għomor kif tingħata f’Malta hija bi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Il-Qorti kienet preseduta mill-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri.
Ben Hassine argumenta b’suċċess li l-fatt li l-liġi Maltija ma tippermettix priġuniera li jservu għomor japplikaw għal reviżjoni tas-sentenza, kif irrakkomandat mill-Kunsill tal-Ewropa, huwa bi ksur tad-drittijiet fundamentali.
Il-Qorti qalet li dawn il-priġunieri f’Malta jistgħu jiktbu biss lill-President tar-Repubblika, biex jitlobu maħfra jew inkella leave mill-ħabs. Madankollu m’hemm ebda kriterji oġġettivi li jiġu mill-President qabel ma tikkonsulta mall-kabinett u tittieħed deċiżjoni. Dan huwa biss poter u ma jistax jitqies bħala mekkaniżmu adegwat għar-reviżjoni ta’ sentenza ta’ għomor, kif titlob il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
L-avukati Larry Formosa u Alfred Grech deheru għat-Tuneżin, li kien instab ħati flimkien ma’ ċertu Mohsen Bin Brahim Mosbah. Dawn it-tnejn huma meqjsua serial killers. Ammettew il-qtil ta’ James Reed f’Ta ‘Xbiex fuq jott nhar it-12 ta’ Frar 1988 u ta’ Alfred Cucciardi, xufier tat-taxi, fl-istess lejl. Sitt ijiem wara, qatlu lix-xufier ta’ taxi Alfred Darmanin u lill-Franċiż Michel Levarlet.
Bħalissa hemm 14-il priġunier qed jiskontaw sentenzi tal-ħajja fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.