L-Awtorità tal-Ippjanar ikkonfermat li x-xogħlijiet li għaddejjin madwar iż-żona tal-barriera Ta’ Muxi f’Għawdex qed jitwettqu bi qbil ma’ dikjarazzjoni tal-metodu ta’ restawr approvati għas-sit kollu.
Lura fl-2010, l-Awtorità kienet ħarġet avviż ta’ infurzar wara li parti kbira miz-zona intliet bl-rimi illegali ta’ skart. Matul l-aħħar sentejn, l- Awtorità għamlet pressjoni fuq is-sidien tal-art, biex ireġġgħu l-post lura għall-istat oriġinali tiegħu, kif wieħed jista’ jinnotaħ minn ritratti tal-1993.
Fil-fatt, sal-lum, ħafna mill-materjal ta’ skart tneħħa mis-sit u ġie mqiegħed f’barriera qrib. Numru kbir ta’ ħitan tas-sejjieħ li kienu ġew imwaqqa’ matul ir-rimi tal-materjal ġew ristrutturati skont kif jitlob metodu approvat, bl-użu ta’ prattiċi tradizzjonali. Uħud miz-zioni restawrati diġà bdew jintużw għall-għanijiet agrarji.
Fi stqarrija l-Awtorità ikkonfermat li matul il-ġimgħat u xhur li għaddew ma sar ebda rimi ieħor u lanqas kien hemm importazzjoni ta’ ħamrija minn barra s-sit, f’attentat li jkopri dan materjal mormi illegalment.
Ix-xogħlijiet ta’ trinek li qed iseħħu bħalissa huma parti mit-twittija tas-sit fejn ħitan tas-sejjieħ se jkunu mibnija.
L-Awtorità se tkompli tissorvelja l-post biex ikun żgurat li s-sidien jikkonformaw bis-sħiħ mal-metodu approvat għas-sit kollu.