Il-kumpanija Marks & Spencer ħabbret li se tagħlaq madwar 60 ħanut matul il-ħames snin li ġejjin, fi sforz biex in-negozju jirpilja.
Il-kap Steve Rowe, li beda l-karriera tiegħu bħala ħaddiem ta’ nhar ta’ Sibt f’maħżen tal-istess ditta fis-snin tmenin, kien diġa’ wissa li kien se jkollhom jittieħdu deċiżjonijiet iebsa.
Il-bidliet ifissru li 30 ħanut se jagħlaq kompletament fir-Renju Unit u 45 ħanut ieħor se jiċkien jew jinbidel fl-istruttura tiegħu. Fost oħrajn il-kumpanija qed tipprova tagħmel qliegħ mid-ditta tal-ikel “Simply”.
Hemm ukoll pjanijiet biex jingħalqu 53 ħanut madwar għaxar swieq internazzjonali – li jinkludu 10 fiċ-Ċina u sebgħa fi Franza, filwaqt li fil-Belġju, l-Estonja, l-Ungerija u l-Litwanja hemm madwar 2100 impjieg f’riskju. Malta s’issa ma tissemmiex.
Jirriżulta li d-ditta saret wisq kumplessa u ineffiċjenti, u għalhekk f’Mejju stabilixxiet numru ta’ mistoqsijiet li se jkunu qed jindirizzaw bħala parti minn reviżjoni strateġika.
“Dawn huma deċiżjonijiet iebsa, iżda vitali għall-futur ta’ M&S” sostna Rowe.