- Ir-rapport annwali tal-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment (IIP) se jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra fil-jiem li ġejjin.
Il-Ministru Owen Bonnici assigura lill-membru parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi li dan se jkun fih kif kull ċenteżmu li daħal mill-programm ġie mqassam, fid-diversi fondi skont kif kien tħabbar meta ġie varat il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment.
Il-maġġoranza tas-somma miġbura – €310 miljun sal-aħħar ta’ Settembru – marru fin-National Social and Development Fund waqt li persentagg marru fil-Fond Konsolidat.
Qabel, id-deputat kap tal-oppożizzjoni Mario de Marco talab lill-Ministru jikkonferma jekk bil-flus li daħlu sax imqar proġett wieħed. Il-Ministru qal li llum kulħadd qed jieħu l-affarijiet for granted għax permezz ta’ dan il-programm – l-uniku wieħed li għandu l-barka tal-Kummissjoni Ewropea – Malta kienet qed tibbenefika.
Fakkar li meta ħareġ il-programm, il-gvern speċifika li l-fondi ġenerati minnu kienu se jitħaddmu minn bord ta’ gvernaturi, li llum iċ-ċermen tiegħu huwa David Curmi.
Il-Ministru Bonnici qal li issa l-kritika tal-Oppożizzjoni daret: m’għadhiex dwar il-programm innifsu iżda għax trid tara li dal-flus iriduhom jintefqu malajr. Huwa assigura lill-Kamra li l-flus se jiġu amministrati bl-aktar mod trasparenti.