L-aħħar botti u risposti fil-kampanja għall-elezzjoni Presidenzjali Amerikana, qabel għada, il-poplu Amerikan jiddeċiedi min għandu jkun is-suċċessur ta’ Barack Obama: jekk hux Hillary Clinton jew Donald Trump.
Iż-żewġ kandidati ewlenin jinsabu fit-tiftixa għan-numru maġiku 270: in-numru ta’ voti li kandidat irid jikseb fis-sistema Amerikana biex jinħatar fl-ogħla kariga fil-White House.
Fl-aħħar serje ta’ akkużi, Donald Trump saħansitra akkuża lill-FBI li hi parti minn sistema qarrieqa u mbabsa, wara li l-istess FBI qalet li inkjesta ġdida fil-komunikazzjonijiet ta’ Clinton ma sabet xejn biex tbiddel il-konklużjoni tagħha.
Dan ifisser li minkejja li Clinton għaddiet materjal sensittiv mis-server tal-email privat tagħha, dan ma kienx jinvolvi att kriminali.
Iż-żewġ kandidati qed isibu għadma iebsa b’xulxin. Fejn jidher li però Clinton tinsab fuq quddiem biex tieħu l-ogħla kariga fl-Istati Uniti.
Fost il-battibekki li taqqluha, Clinton sabet mhux biss il-kwistjoni tal-emails mibgħuta b’kontenut sensittiv, iżda wkoll il-kritika li l-politika internazzjonali tagħha kompliet ġġib iżjed imwiet u ġlied.
Min-naħa tiegħu Trump jibqa’ magħruf għan-numru kbir ta’ Tweets li bihom attakka lil bosta, u d-diskorsi kontroversjali tiegħu fejn b’xi mod attakka jew kien diskriminatorju kontra n-nisa, l-Musulmani, Messikani u oħrajn.
Fost l-iktar li ġibdu l-attenzjoni tal-midja u n-nies, kienu l-allegazzjonijiet li Trump abbuża sesswalment minn numru ta’ nisa. Dan wara li instab li kien qal li għax famuż, bin-nisa seta’ jagħmel li jrid.
Apparti minn hekk, is-swaba baqgħu jippuntaw lejh għaliex huwa l-ewwel kandidat li ma ppubblikax l-istqarrija tat-taxxi sħiħa tiegħu. Apparentement għax ilu snin twal ma jħallas t-taxxa federali.
L-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pubblika qed juru lil Clinton minn fuq, għalkemm id-deċiżjoni finali insiru nafuha l-Erbgħa, probabbilment tard filghodu ħin ta’ Malta.
Sadanittant permezz tas-sistema ta’ early voting, diġà kienu iktar minn wieħed u erbgħin miljun iċ-ċittadini Amerikani li vvutaw. B’mezzi tax-xandir innutaw żieda ta’ votanti t’oriġini Sud Amerikana, li tendenzjalment ifissru voti għal Clinton.
ONE se jkun qed isegwi l-aħħar żviluppi permezz tal-aġġornament u l-bulettin ta’ ONE NEWS, u bi programmi speċjali t-Tlieta fl-għaxra ta’ filgħaxija u l-Erbgħa mis-sitta ta’ filgħodu l-quddiem.