Kmieni dalgħodu, għall-ħabta tal-ħamsa u nofs, il-Pulizija ġiet infurmata li fi Triq Tal-Balal, San Ġwann kien hemm persuna mitluqa mal-art.
Il-Pulizija sabet raġel ferut mindud fl-art. Minn stħarriġ li sar irriżulta li r-raġel għandu 23 sena residenti Ħal Lija. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza sabiex jingħata l-kura meħtieġa.
Minn iktar investigazzjonijiet li saru rriżulta li ż-żagħżugħ, x’aktarx safa’ milqut minn vettura li allegatament telqet minn fuq il-post.
Iż-żagħżugħ ta’ 23 sena ġie ċċertifkat li qiegħed isofri minn ġrieħi gravi.
Ftit ħin wara, il-Pulizija ġiet infurmata li ftit ‘il bogħod ċioe fi Triq Birkirkara, San Ġiljan, kien għadu kemm seħħ inċident ieħor fejn vettura tat-tip Toyota kienet ħabtet ma’ xi vetturi li kienu pparkjati u nqalbet. Is-sewwieqa li għandha 33 sena residenti San Ġiljan ma sofriet l-ebda ġrieħi.
Nistgħu nikkonfermaw li l-Pulizija stabilixxiet konnessjoni bejn iż-żewġ każijiet.