“It-tifel tiegħi ta’ tliet snin għandu kanċer, jiena u l-mara tiegħi se npoġġu l-karriera tagħna f’ġenb u niddedikaw il-ħin tagħna għaċ-ċkejken tagħna.”
Kien dan il-messaġġ tal-kantat popolari Michael Bublé u l-mara tiegħu Luisana Lopilato. Realtá li jgħixuha numru kbir ta’ nies mhux biss f’pajjiżna, iżda tista’ tgħid mad-dinja kollha. Iżda huma mumenti bħal dawn li wieħed jirrealizza li taħt dik id-daħka li juru quddiem il-kamera, ikun hemm ukoll dik il-weġa’ u dieqa fil-ħajja ta’ persuni popolari.
Il-kantant, fuq Facebook spjega li dejjem saħaq dwar l-importanza tal-imħabba u l-familja għat-tfal tagħna u issa se jkun qed iżomm kelmtu u jwarrab totalment il-karriera tiegħu ta’ kantant biex jagħti l-attenzjoni kollha meħtieġa lil ibnu Noah. Huwa talab lil fans tiegħu biex jitolbu għalihom u jirrispettaw il-privatezza li għandha bżonn il-familja tiegħu f’dan il-mument.