– Affresk b’sejħa għall-għaqda bejn il-ġnus.
‘L-Għaqda bejn il-ġnus permezz ta’ l-arti’ hija it-tema ta’ Affresk ieħor mill-għalliema freskanti ta’ Frescopolis.
Fil-ġimgħa bejn It-Tlieta l-1 ta’ Novembru u it-8 ta’ Novembru 2016 membri ta’ l-iskola internazzjonali għat-teknika tal-affresk imwaqqfa minn Maestro Vico Calabro’ jiltaqaw ġewwa Malta biex taħt id-direzzjoni ta’ l-imgħallem Stephen Grima joħolqu affresk ieħor ġewwa il-Cavalieri Art Hotel ġewwa San Ġiljan.
Dan l-affresk qiegħed isir fil-pool area ta’ l-istess lukanda. Dan huwa wieħed mill-avvenimenti annwali ta’ Frescopolis, il-belt ideali tal-affresk li l-artist anzjan Vico Calabro rnexxielu joħloq f’ħafna lokalitajiet madwar id-dinja.
L-artist Mellieħi Stephen Grima li bħalissa għandu eżibizzjoni personali tal-arti bl-isem Remixing possibilities ġewwa l-istess Cavalieri Art Hotel, jaħdem ma’ żewġ freskanti internazzjonali oħra; fosthom Alessandro Dal Bello mill-Italja, Wiolka Lewandowska mill-Polonja u magħhom tingħaqad wkoll l-istudenta tal-arti Hannah Dowling biex kollha jagħtu sehemhom f’dan l-affresk bit-tema tal-għaqda u solidarjetà.
Dan il-mural f’kunċett aktar wiesgħa jappella għad-dritt fundamentali u aċċess għar-riżorsi li n-nies kollha tad-dinja għandu jkollhom. Dan huwa il-mod kif l-arti tista’ tagħti sehema biex tneħħi il-firda u issejjaħ għall-fratellanza u għaqda bejn il-popli.