Id-direttur Gabriele Salvatores, rebbieħ ta’ premju Oscar, qed jaħdem film f’Malta, f’mument fejn f’pajjiżna hawn il-ġbid ta’ erba’ films internazzjonali fl-istess ħin.
Gabriele Salvatores qed jiġbed xeni għal film ġdid tiegħu “The Invisible Boy 2” u hu magħruf l-iktar għall-film Mediterraneo li kien ir-rebbieħ tal-Oscar għal aħjar film barrani fl-1992.
Il-film il-gdid ta’ Salvatores huwa s-sequel tal-film “The Invisible Boy” li sentejn ilu kiseb suċċess kbir. Salvatores stqarr li hu kuntent hafna li qed jiġbed dawn ix-xeni f’Malta, b’mod partikolari fl-Imdina. Huwa wera x-xewqa wkoll li jigbed film sħiħ f’ pajjizna, bi storja ambjentata fuq gżiritna stess.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li meta d-diretturi ta’ dan il-kalibru jagħżlu lil Malta, ikunu qed jagħtu ċertifikat ta’ kwalità lill-industrija tal-films f’pajjiżna u li jservu mhux ftit biex Malta tibqa’ rinomata bħala destinazioni ta’ eċċellenza għal ġbid tal-films.
Il-kumissarju tal-films Engelbert Grech stqarr li r-reputazzjoni ta’ Malta qiegħda dejjem titjieb hekk kif aktar produzzjonijiet qed jagħżlu lil Malta. Irrimarka li din il-produzzjoni hija biss wahda minn erba’ films li qegħdin jinħadmu kontemporanjament bħalissa hawn Malta.