Kienet l-ewwel sena wara r-referendum li wassal biex daħal id-divorzju f’pajjiżna li l-Qorti ddeċidiet l-ikbar ammont ta’ divorzji.
Fil-fatt fl-2012, il-Qorti Maltija approvat 432 divorzju filwaqt li dik f’Għawdex 18. Wara dik is-sena n-numru f’Malta stabilizza għal ftit iktar minn tliet mija biex minn Ottubru 2011 (meta daħlet il-liġi) sal-lum il-Qorti f’Malta tat 1,775 divorzju u dik f’Għawdex 65.
Dan juri wkoll l-istennija minn ħafna persuni li wara snin separati u f’relazzjoni kienu qed jistennew il-liġi bil-għan li jibdew ħajja ġdida.
Liġi li titlob li biex il-Qorti tappoġġja d-divorzju l-persuni fi żwieġ li tfarrak iridu:
- ikunu għamlu mill-inqas erba’ snin jgħixu separatament;
- jiżguraw permezz ta’ proċess ta’ medjazzjoni li m’hemm ebda tama ta’ rikonċiljazzjoni; u
- jonoraw il-kuntratt ta’ seperazzjoni li jingħata qabel id-divorzju fejn jidħol manteniment tat-tfal.
Fil-fatt kien hem każi fejn it-talba għad-divorzju ma ntlaqgħetx għax dawn ir-rekwiżiti ma ġewx sodisfati.