HSBC Malta u TradeMalta ffirmaw ftehim ta’ sħubija bl-għan li jgħinu lin-negozji Maltin jidħlu fis-suq internazzjonali. Dan fi sfond ta’ ekonomija globali li kull ma tmur qed issir iktar kompettitiva.
L-isħubija strateġika tippermetti lil TradeMalta u lill-membri tagħha jieħdu vantaġġ mill-firxa globali li għandu l-HSBC, filwaqt li l-Bank se jkun qed jilħaq il-mira tiegħu li jgħin lin-negozji bbażati f’Malta biex jirnexxu fis-suq internazzjonali.
Il-ftehim kien ifirmat mill-Kap tas-Servizzi Kummerċjali ta’ HSBC Malta, Michel Cordina u miċ-chairman ta’ TradeMalta David Curmi, fil-preżenza tal-Ministru għall-Ekonomija Investiment u Negozji żgħar Chris Cardona.
Il-Ministru Cardona qal li dan il-ftehim se jkun qed isaħħaħ u jipprovdi qafas sostenibbli għall-TradeMalta. Huwa qal li l-kollaborazzjoni ta’HSBC hi vot ta’ fiduċja mhux biss fil-miri ta’ TradeMalta, imma wkoll fl-intrapriżi li qed jixprunaw l-ekonomija ta’ Malta. Huwa stqarr li dan il-ftehim għandu jservi ta’ inkuraġġament għan-negozji Maltin biex ikabbru l-aspirazzjonijiet tagħhom u jidħlu fi swieq internazzjonali.