Erġajna qed inkunu xhieda ta’ irresponsabiltà min-naħa tal-Oppożizzjoni u l-esponenti tagħha li qed ikunu negattivi u jinqdew b’inċidenti li m’għandhomx x’jaqsmu mal-politika sabiex titnissel biża’ għalxejn fost il-pubbliku.
Il-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali qal li l-Oppożizzjoni qed terġa’ turi nuqqas ta’ fiduċja fil-kapaċitajiet tal-istituzzjonjiet, f’dan il-każ tal-Pulizija, filwaqt li tipprova tnissel dubju fil-professjonalità li biha jaqdu dmirhom l-istess Pulizija.
Il-Gvern irid iserraħ ras il-poplu Malti, li l-Korp tal-Pulizija qed jagħmel ħiltu kollha u qed jieħu dawn l-investigazzjonijiet b’serjetà kbira. Jekk l-Oppożizzjoni qed tippretendi li l-Gvern għandu jindaħal fix-xogħol tal-Korp tal-Pulizija għandu jkun assigurat li mhux se jerġa’ jiġri l-istess.
Aktar kmieni l-Oppożizzjoni ħareġet stqarrija, fejn qalet li “l-inċidenti tal-aħħar ftit ġimgħat urew biċ-ċar illi fil-pajjiż illum hawn ċrieki ta’ kriminalità organizzata illi b’mezzi sofistikati qegħdin iħallu vittmi fit-toroq tagħna.”
Fl-istqarrija, Beppe Fenech Adami qal li “l-Gvern għandu jirreaġixxi bil-qawwa u bid-determinazzjoni kollha sabiex jinqabad min huwa l-moħħ wara dawn l-attentati serji ħafna u ssir ġustizzja”.
Il-Gvern wieġeb billi qal li jemmen li xogħol il-politiku m’għandux ikun li jallarma. Għaldaqstant mhuwiex se jintilef issemmi l-lista sħiħa ta’ delitti stil mafjużi li seħħew f’amministrazzjoni preċedenti u baqgħu mhux solvuti meta Dr Beppe Fenech Adami kien Assistent Parlamentari fil-Ministeru tal-Intern.
L-istqarrija ttem tgħid li hija verament ħasra li l-Oppożizzjoni qed tibbaża l-politika tagħha fuq kampanja ta’ biża’ u paniku u ddawwar f’logħob partiġjan, ċirkostanzi li m’għandhomx x’jaqsmu mal-politika.